25 Sena Banda, Aħbarijiet, Festa 2014

Il- Hames Sibt tal- Vitorja; u il- Kurunella

Il-Festi li jiġu ċċelebrati f’kull belt jew raħal fil-gżejjer Maltin huma kolla mmotivati mill-imħabba lejn il-patrun jew il-patruna. Fin-Naxxar, sa minn żmien ilu, jiġi ċċelebrat mill-qalb it-twelid ta’ Marija hekk kif jiġi ffesteġjat ukoll fl-Isla, l-Mellieħa w ix-Xagħra t’Għawdex nhar it-8 ta’ Settembru f’jum il-Vittorja. Għalkemm il-festi llum ħadu dimensjoni oħra, xorta waħda għadhom iddominati mid-devozzjoni. Fl-1985  kien jaħbat l-għelfejn sena mit-twelid ta’ Marija w għaldaqstant il-festa kienet ġiet iċċelebrata b’mod iktar devot. Kien sar fuljett bil-kurunella li ġġib l-isem ta’ kuruna ta’ tnax il-stilla li hija poeżija mimlija tifħir lil għażiża patruna tagħna li kienet inkitbet minn Ludoviku Mifsud Tommasi. Din għada tintuża sal-llum fil-ġranet tal-festa kif ukoll fis-sibtijiet tal-Bambina li ninsabu fihom.
 

image

KURUNA TA’ TNAX-IL KEWKBA

 

Minsuġa

Mis-Saċerdot Ludoviku Mifsud Tommasi

 

LIL MARIJA BAMBINA

MEQJUMA FIL-KNISJA ARĊIMATRIĊI

U ARĊIPRETALI TAN-NAXXAR.

 

STEDINA

Ejja nfaħħru lil Marija

Fit-twelid imqaddes tagħha;

Kif bil-ferħ imliet id-dinja,

Aħna wkoll nifirħu magħha.

 

Ejja nbierku lil Marija,

U flimkien ejja nsellmulha

Biex fil-hemm tidħol għalina

B’qalbna kollha ingħidulha:

 

ĠAKULATORJA

O Bambina – kollok glorja,

Bħal Reġina – inberkuk

Biex tgħannina – bil-Vittorja,

Omm ħanina – nitolbuk

 

I

O Bambina l-iżjed ħelwa,

Int bla tebgħa ġejt maħluqa,

Inti ftaħt il-bwieb tas-sema

Minn żmien kbir lilna magħluqa.

 

Bint Sant’Anna u San Ġwakkin

Imnisslin mill-Patrijarki,

Id-demm tiegħek l-iżjed safi

Kellu bidu mill-Monarki.

 

Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.

 

II

Int bi grazzja tiegħek waħdek

Minn kull ħtija ġa meħlusa,

Tal-Ispirtu Santu Alla

Kif twelidt sfajt il-Għarusa.

 

Sa minn dejjem kont maħtura

Fost il-ħlejjaq l-ewlenija;

Mill-Missier Bintu maħbuba

Għaliex Omm minn tal-Messija.

 

Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.

 

 

III

Għala s-Saltna ta’ Israeli

Inti kellek l-ikbar jedd,

Bħala xitla minn ta’ David

Ġa Sultan tal-poplu elett.

 

Int, Marija, l-ikbar għaġeb

Minn tal-grazzja, u tan-natura,

Ogħla minnek ma tinsabx

Fost il-ħlejjaq kreatura.

 

Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.

 

IV

Dak li ħalqek, ġewwa ħdanek

Destinata biex iġġib,

L-Iben t’Alla liebes bniedem

Kellek trabbi bil-ħalib.

 

Fost in-nisa kollha mbierka

Om mint sirt tar-Redentur;

Li ssir Omm u tibqa’ xebba

Kellek waħdek dan l-unur.

 

Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.

 

 

V

 

Fik tkompliet edik il-barka,

Li Alla wiegħed lil Abraham:

Int neħħejt edik is-saħta,

Li ġabilna kien Adam

 

Int għoġobt lill-istess Alla,

Bik Hu tgħaxxaq, bik jithenna,

Lilek għolla fuq il-ħlejjaq

Lilek għamel donnok ġenna.

 

Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.

 

VI

 

Lilek lemaħ Isaia,

Il-profeti lilek ħabbru;

Il-ġmiel tiegħek mal-ġmiel t’Ibnek

Kollha bierkku, kollha kabbru.

 

Xbieha tiegħek kien it-Tempju,

Illi bena Salamun;

Kif kien dak għamara t’Alla;

Għamara isbaħ kellek tkun.

 

Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.

VII

 

Int il-Warda minn ta’ Ġeriko,

Int il-Ġilju tal-widien,

Int il-Palma minn ta’ Kades,

L-Ort imdawwar kullimkien.

 

Int il-Għajn issiġilata,

Int il-Bieb minn tal-Orjent,

Lilek fissru n-Nisa mqaddsa

Tal-imgħoddi Testament

 

Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.

 

VIII

 

Int maħtura bħala ix-Xemx,

Bħala l-Qamar kollok ġmiel,

Int qawwija bħal Eżerċitu,

Li ebda għadu qatt ma miel.

 

Int il-Glorja minn tal-Knisja,

Int it-Tarka tal-Insara;

Int lis-Saltna tal-Abbissi

Kont kaġun tal-ikbar ħsara.

 

Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.

IX

 

Biex ix-xibka minn tal-għadu

Għala dejjem tkun meqruda,

‘Il Sansun int ġibt mis-Sema

L-Iljun qawwi minn ta’ Ġuda.

 

Bħala Kewkba minn tas-sebħ

Inti dhert liebsa bid-dija;

Int hennejt in-nies tad-dinja;

Minn żmien kbir b’leħqa mbikkija

 

Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.

 

X

 

Qalb id-dlam ikrah tal-mewt

Aħna konna midfunin,

Għax bil-ħtija ta’ missierna

Ġejna lkoll aħna mtebbgħin.

 

Inti waħdek ġibt Vittorja

Minn Luċifru li jassarna;

Int għaffiġt ir-ras faħxija

Ta’ dal-għadu, li ħaqarna.

 

Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.

XI

 

L-infidili misilmin

Minn dil-gżira int keċċejt,

Bit-trijonf minn tal-Vittorja

Int imħabbtek lilna wrejt

 

Teżoriera minn tal-grazzji

Lilek għamel il-kbir Alla;

Fuq il-ħlejjaq tiegħu kollha

Lilek għolla, Lilek talla’.

 

Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.

 

XII

 

Omm xurtjata ta’ Ġesu’,

Int ukoll Omm vera tagħna,

Meta lilek aħna nsejħu,

Int ilkoll tista’ tismagħna

 

Meta Lilek, Omm ħanina,

Kontra l-għadu aħna nsieħu

Biex tagħnnina bil-Vittorja,

Biex fil-Ġenna lilna tieħu.

 

Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria