Aħbarijiet

L-Antifona tal-festa

Kitba ta: Hermann Farruġia Frantz

Fit-traduzzjoni tal-festi Maltin, bil-kelma Antifona nfissru silta mużikali li fiha jitkanta kliem bil-Latin fuq il-qaddis illi lilu tkun iċċelebrata l-festa. Il-kliem ikun sentenza jew tnejn u ġieli jispiċċa bil-kelma Alleluia. Dan il-kliem bil-Latin ikunu jafuh bosta dilettanti, speċjalment dawk tal-lokalita’ u jitkanta bl-akbar emozzjoni tista’ tgħid fit-tmiem ta’ kull ċelebrazzjoni tal-festa.

Propjament fil-Liturġija l-Antifona hija l-kant ta’ vers jew tnejn li jintroduċu l-kant ta’ Salm, tiġi introdotta miċ-ċelebrant u titkompla mill-kor. L-istess Antifona terġa’ titkanta kollha mill-kor wara s-Salm. L-Antifona titkanta plainchant jew kif inhu magħruf bil-“Kant Gregorjan”. Imma l-Antifona tal-festa żvolġiet b’mod ieħor, fil-fatt ma għandha x’taqsam xejn ma’ dan. Ma tintroduċi l-ebda salm, iżda saret bħala xi ħaġa distinta u importanti għaliha, importanti mill-identita’ tal-festa.

Għalhekk nistgħu ngħidu li l-Antifona tal-festa, għalkemm il-kliem tagħha baqa’ bejn wieħed u ieħor isegwi dak tal-Antifona fir-rit Liturġiku, jiġifieri vers qasir bil-Latin, il-funzjoni tagħha u l-mużika nbidlu sew. Il-funzjoni tagħha ġiet aktar tixbaħ lill-Innu Popolari f’ġieħ il-qaddis li jindaqq lejn l-għeluq tal-funzjonijiet tal-knisja, u l-mużika aktar nistgħu nxebbħuha ma’ dik ta’ Innu Ċelebrattiv. Huwa Parroċċi li l-antifona tal-festa titkanta qabel l-Evanġelju bħala gradwal. Jien ma tantx naqbel ma dan peress li l-intenzjoni tal-mużika tkun tidher li mhix intenzjonata li tippreparak għall-Evanġelju, u aktar u aktar meta jitwarrab il-kliem propju tal-versett ta’ qabel l-Evaġelju biex isir l-antifona li x’aktarx tkun bi kliem differenti.

Kulħadd iqis li l-Antifona Sancte Paule li Dottor Paolo Nani kiteb fl-1840, hija l-ewwel Antifona li bdiet dan il-fenomenu tar-rabta sħiħa bejn il-festa u l-Antifona tal-lokal. Din l-Antifona saret l-aktar mużika importanti, popolari u parti mill-identita’ tal-festa ta’ San Pawl tal-Belt, li mingħajrha din il-festa ma tkunx aċċettabbli. Din ir-rabta bejn l-Antifona u l-festa, rabta li bdiet fil-Belt, kompliet ukoll fi bliet u rħula oħrajn – insemmu bħala eżempji l-antifona O Melitae Digna Proles miktuba fl-1844 minn Vincenzo Buġeja marbuta mal-festa ta’ San Publju fil-Furjana, Beatus Georgius ta’ Paolo Fiamingo marbuta mal-festa ta’ San Ġorġ Martri t’Għawdex; Gabriel Angelus ta’ Lorenzo Gonzi, sinonima mal-Lunzjata f’ Ħal Tarxien u In Sepulchrum ta’ Carlo Diacono, marbuta mal-festa ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Għalkemm kulħadd jirrikonoxxi li l-Antifona Sancte Paule li Dottor Paolo Nani kiteb fl-1840, hija l-ewwel Antifona li bdiet dan il-fenomenu, dan l-aħħar instabet l-antifona ta’ San Filep In Sepulchrum ta’ Francesco Azopardi li ġġib id-data 1801. Din l-Antifona għandha wkoll l-għarfien tal-mużikoloġisti li jikkonfermaw l-awtentiċita tagħha. L-istil ta’ din l-Antifona huwa ta’ Antifona tal-festa u mhux tal-antifona użata fir-rit Liturġiku.

Għalhekk inħoss li din is-sejba għandha tikkontesta sew dan li nsibu miktub f’diversi kotba: “l-Antifona Sancte Paule li Dottor Paolo Nani kiteb fl-1840, hija l-ewwel Antifona li bdiet dan il-fenomenu tar-rabta sħiħa bejn il-festa u l-Antifona tal-lokal”. Forsi l-antifona ta’ Azzopardi ma komplitx tindaqq imbagħad reġa’ beda Nani fl-1840, jew forsi ma qajmitx dak il-furur li qajmet ta’ Nani u għalhekk ta’ Nani inħasset li hija xi ħaġa ġdida?

Bdiet meta bdiet huwa mportanti li dan il-patrimonju ta’ antifoni tal-festi nkomplu nikkultivawħ u nesegwuh sabiex jibqa’ ħaj għal dejjem. Importanti li nżommuh fil-lingwa originali tiegħu bil-Latin, infakkar li l-Latin hija lingwa li ma għadiex tiġi żviluppata, nitkellmu biss dak li diġa jeżisti, għalhekk huwa aktar faċli li jekk ma noqogħudux attenti nitilfuħ. Kull ma jrid isir għal minn ma jkunx jaf xi jfisser fuljett żgħir tal-kliem bil-Latin bi tradizzjoni bil-Malti. Nixtieq inftakkar li l-kompożituri dejjem ikkomponew il-mużika sagra u liturġika bil-Latin, u nista’ ngħid hekk għadhom jgħamlu sall-lum. Għalhekk l-
organizzaturi tal-funzjonijiet liturġiċi għandhom dejjem jipprovdu fuljett bi tradizzjoni bil-Malti. B’hekk inżommu l-patrimonju kbir u rikk ta’ mużika sagra ħaj filwaqt li kulħadd ikun qiegħed jifhem x’qiegħed jitkanta.