25 Sena Banda, Aħbarijiet

Ħarsa lejn is-sena 2014

Kien propju fis-seduta ġenerali li kienet saret nhar il-Ħadd, 7 ta’ Frar 1988, fejn tressqet għall-approvazzjoni quddiem il-membri tas-soċjetà mozzjoni biex tiġi ffurmata banda fi ħdan il-każin Vittorja. Għalkemm il-membri kienu vvotaw b’mod sigriet, il-mozzjoni għaddiet b’maġġoranza kbira u dan nistgħu ngħidu li kien il-bidu tal-banda Vittorja. Kien ftit iktar minn sena wara, jiġifieri nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Settembru 1989 li ġiet inawgurata uffiċjalment il-banda Vittorja. Dan ifisser li din is-sena li issa waslet fi tmiemha kienet tikkommemora propju l-ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqif ta’ din il-banda żagħżugħa, banda li dejjem ġabet unur u glorja lir-raħal għażiż tan-Naxxar. Matul is-snin il-banda żviluppat u kibret biex ġiet dik li hi llum iżda dan seħħ wara li ntgħelbu sfidi u saru sagrifiċċji kbar.

Matul din is-sena, kienu ħafna u diversi l-attivitajiet li ġew organizzati biex infakkru din l-okkażjoni u għalhekk qabel ma nidħlu fis-sena l-ġdida ta’ min inħarsu ftit b’nostalġija lejn is-sehem li tat il-banda Vittorja fis-sena 2014!

  • Il-Ħadd 9 ta’ Marzu, isir programm speċjali fuq Radju Malta II, bl-isem ta’ Marċifest, dwar is-soċjetà tagħna fejn indaqqu marċi brijużi mill-albums tal-banda Vittorja.
  • It-Tlieta 11 ta’ Marzu jsir ir-recording ta’ innijiet Marjani li iktar ‘il quddiem inħarġu fuq album bl-isem ta’ ‘Insellmulek f’Jum Twelidek’ bħala parti mill-anniversarju tal-25 sena mit-twaqqif tal-banda Vittorja. Il-Banda kienet taħt id-direzzjoni tas-surmast Mro. Roderick Bugeja filwaqt li l-Coro Bel Canto kien taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Hermann Farrugia Frantz.

  • Nhar il-Ġimgħa,21 ta’ Marzu, il-bandisti żgħażagħ tal-banda Vittorja taħt id-direzzjoni tal-assistant surmast Christine Dimech ħadu sehem f’kunċert imtella’ mill-Aġenzija Żgħażagħ ġewwa l-iskola primarja ta’ Pembroke.

  • Nhar il-Ħadd 6 ta’ April ġiet imnedija konferenza stampa fejn tħabbru uffiċjalment l-attivitajiet li s-soċjetà ppreparat fl-okkażjoni tal-25 sena anniversarju mit-twaqqif tal-banda. Wara sar il-kxif ta’ lapida bl-isem il-ġdid tas-soċjetà hekk kif kien deċiż fis-seduta ġenerali straordinarja ta’ nhar it-28 ta’ Lulju 2013 mill-eks president is-Sur Toni Catania u l-president attwali tas-soċjetà Dr. Michael Farrugia. F’din l-okkażjoni ġiet inawgurata wkoll wirja dettaljata li llustrat l-istorja tal-banda Vittorja mit-twaqqif tagħha sal-preżent fl-okkażjoni tal-25 sena banda.

  • Il-Ġimgħa 18 ta’ April il-banda Vittorja tat is-sehem tagħha billi laqgħet u akkompanjat il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira bid-daqq ta’ marċi funebri.
  • Il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju tibdal-ewwel sezzjoni tal-Master classes u workshops fis-sede tas-soċjetà flimkien mas-sassafonist Taljan ta’ fama internazzjonali Antonino Mollica.

  • Il-Ħadd 11 ta’ Mejju jitella l-Grand Anniversary Concert biex jikkommemora l-25 sena anniversarju mit-twaqqif tal-banda Vittorja. Dan kien l-ewwel kunċert ta’ din ix-xorta li sar fil-Valletta Waterfront kif ukoll fl-istorja mużikali tar-raħal fejn ħa sehem is-sassofanist internazzjonali Antonio Mollica. Għal dan il-kunċert attendiet il-president ta’ Malta l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca. Il-Banda Vittorja kienet taħt id-direzzjoni tas-surmast Roderick Bugeja fejn f’silta minnhom kienet akkumpanjata minn effetti viżivi xogħol ta’ Robert Spiteri. Bla dubju ta’ xejn dan wera il-kapaċità u t-talent impekkabli li jħaddnu l-mużiċisti fi ħdan il-banda Vittorja.

  • Nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju l-banda Vittorja ġiet mistiedna biex tesegwi marċ u kunċert fil-festa ta’ San Filep ta’ Aġġira ġewwa Ħaż-Żebbuġ.
  • Il-Ħamis 12 ta’ Ġunju il-banda Vittorja ddoqq marċ fl-okkażjoni tal-festa titulari tal-Marsa fejn ftit wara nhar fil-15 ta’ Ġunju akkumpanjat il-vara tat-Trinità hija hu dieħla fil-knisja kif ukoll temmet il-festa bil-marċ tal-aħħar.
  • Nhar il-Ħadd 20 ta’ Lulju il-banda Vittorja tilqa u takkumpanja il-purċissjoni bl-istatwa titulari ta’ San Sebastjan ġewwa Ħal-Qormi.
  • Nhar l-Erbgħa 27 ta’ Awwissu, lejliet il-ħruġ min-niċċa tal-istatwa titulari, il-banda Vittorja ttella’ għall-ewwel darba fl-istorja akkademja mużikali strepituża fil-parroċċa arċimatrici w arċipretali tan-Naxxar. Hawn ġiet esegwita għat-tieni darba konsekuttiva il-Cantata ‘Bi twelidek Rebbaħtna’ kif ukoll indaqqet mill-banda għall-ewwel darba fl-istorja tar-raħal l-antifona Gloriosae Virginis Mariae tas-Surmast Paolo Nani fost siltiet oħrajn. Din kienet taħt id-direzzjoni tas-surmast Mro Roderick Buġeja bis-sehem tal-Coro Bel Canto, is-sopran Clare Caruana, it-tenur Charles Vincenti, il-baritonu Ivan Vella u ċ-ċkejkna Kacey Azzopardi. Dan il-kunċert kien taħt il-patroċinju tas-saċerdot Naxxari Dun Karm Catania f’għeluq is-sittin sena mill-ħatra tiegħu. Hawn is-soċjetà ppreżentat ukoll għotja sabiħa għar-restawr tal-pavaljun tal-Bambina. Kienet serata indimentikabbli, denja u memorabbli biex tiċċelebra l-ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqif tal-banda Vittorja fejn deher biċ-ċar id-dedikazzjoni u l-livell li ntlaħaq f’dawn l-aħħar snin li wasslu l-banda Vittorja fil-quċċata nett.

IMG_4389

  • Nhar il-Ħadd 31 ta’ Awwissu issir quddiesa għall-partitarji tal-għaqdiet mużikali fin-Naxxar immexxija mill-arċipriet Dun Evan Caruana filwaqt li filgħaxija il-Banda Vittorja ħadet sehem għall-ewwel darba fil-festa titulari ta’ San Pawl ġewwa Ħal-Safi.
  • Fil-ġranet tal-festa il-banda Vittorja ħadet sehem fil-marċi tradizzjonali tagħha bħas-snin ta’ qabel sa mit-twaqqif tagħha. Dawn bdew permezz ta’ marċ brijjuż nhar l-ewwel tridu u komplew bil-kbir nhar is-6 ta’ Settembru fejn wara l-marċ u l-ferħ tal-partitarji ntwera fil-pjazza quddiem dawk preżenti feature dwar l-istorja tal-banda. Imbad nhar it-8 ta’ Settembru il-banda reġgħet għamlet għal darb’oħra l-marċ tradizzjonali ta’ nhar il-festa fejn b’sorpriża ġiet inawgurata statwa li tirrapreżenta allegorija tal-‘Vittorja’ li nċidentalment huwa l-isem għażiż tal-banda żagħżugħa tagħna xogħol l-artisti bravissimi Adonai u Michael Camilleri Cauchi. Waqt il-purċissjoni l-banda Vittorja sellmet kif jixraq ix-xbieha devota tal-padruna bid-daqq ta’ fanfarra u innijiet.

IMG_0021

  • Is-Sibt, 18 ta’ Ottubru, il-banda Vittorja ddoqq f’massband flimkien mas-Soċjeta’ Filarmonika Pinto u l-banda Duke of Connought’s Own ġewwa Casal Fornaro fir-raħal ta’ Ħal-Qormi. Dan sar biex tikkommemora il-ħamsa u għoxrin sena minn meta s-surmast tas-soċjetà Roderick Bugeja ħareġ idoqq għall-ewwel darba.
  • Nhar il-Ħadd, 4 ta’ Novembru l-kummissjoni banda organizzat mawra sal-gżira Għawdxija sabiex jinġabru fondi għall-banda. Ta’ min jgħid li din is-sena inbiegħu ukoll mugs kommemorattivi għall-istess għan.
  • Il-Ħadd 7 ta’ Diċembru l-banda Vittorja daqqet marċi brijjużi u carols fl-attività mtella’ mill-kunsill lokali bl-isem ta’ ‘Ir-Raħal fil-Milied 2014’. Għalkemm it-temp ma tantx ippermetta, l-banda xorta tat il-kontribut tagħha. Ta’ min jgħid li f’din l-okkażjoni kienet ġiet inawgurata wkoll wirja ta’ presepji u bambini antiki fis-sede tas-soċjetà.
  • Is-Sibt 20 ta’ Diċembru, jittella’ t-tnax-il edizzjoni tat-Talent Żagħżugħ b’edizzjoni speċjali tal-Milied fl-Oratorju tal-parroċċa. Ta’ min isemmi li f’din l-okkażjoni attenda wkoll għall-ewwel darba l-Arċipriet il-ġdid tal-parroċċa Dun David Gauci. Dan il-kunċert kien taħt id-direzzjoni tal-assistant surmast Christine Dimech u fih ħa sehem il-kitarrist Naxxari Luke Agius. Għal darb’oħra l-allievi tas-soċjetà kellhom l-opportunita’ li juruil-kapaċitajiet tagħhom quddiem il-pubbliku numeruż li attenda.

3

  • Nhar l-Erbgħa 24 ta’ Diċembru l-banda Vittorja akkumpanjat, bid-daqq ta’ carols, il-purċissjoni tal-bambin organizzata mis-soċjetà tal-M.U.S.E.U.M.
  • Nhar is-Sibt 27 ta’ Diċembru, filgħodu l-banda Vittorja daqqet marċi brijjużi u carols fid-dar tal-anzjani ‘Sagra Familja’ fejn l-allievi ċkejkna tas-soċjetà qassmu rigal ċkejken lill-anzjani tal-post. Wara saret ikla ta’ ringrazzjament lill-bandisti u lill-allievi tal-post sabiex jiċċelebraw flimkien l-għeluq ta’ din is-sena li tant kienet impenjattiva għas-soċjeta’.
  • It-Tnejn 29 ta’ Diċembru l-allievi tal-banda Vittorja jdoqqu carols waqt il-party tal-Milied li sar fis-swali tal-każin. Ta’ min jgħid li għal dan il-festin attendew qrib tmenin tifel u tifla u kien suċċess kbir.

Għalkemm din is-sena li fiha tant stinkajna u fraħna flimkien  ġiet fit-tmiem, ma nistgħux ma nħarsux ‘il quddiem lejn l-isfidi li għandu lest għalina il-ġejjien fosthom iċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq iċ-ċentinarju tas-soċjeta’ fl-2016. Għaldaqstant filwaqt li bħal dejjem nirringrazzjawkom għas-sosten tagħkom nitolbukom mill-ġdid sabiex terġgħu tkunu magħna u warajna għal din is-sena l-ġdida. Jalla tkun waħda ta’ ġid u hena għal kulħadd. Nagħlaq billi nsellem lill-banda Vittorja u nifirħilha għall-aħħar darba f’għeluq il-ħamsa u għoxrin sena minn twelidha b’dawn il-ftit versi:

Lill-Banda Vittorja f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tagħha…

Twelidt bħal leħħa ta’ berqa,
iżda malajr ħabbek id-destin,
għax bħat-tkarwit tas-sajjetti,
ismek dewa f’qasir żmien.

Hekk kif kont għadek titwieled,
n-Naxxarin b’imħabba mlewk,
baqgħu sodi w tawk fiduċja,
u ġo qlubhom sħiħ żammewk

Iż-żmien tar, l’inżgħara nibet,
għax l-għeruq kienu fis-sod,
u dil-banda bħal tarbija
bdiet tikber bil-mod il-mod.

Il’quddiem b’kuraġġ hi ħarset
sabiex tegħleb l’għola mewġ,
taru ħamsa w għoxrin sena,
w l-isfidi b’għaqal ġabet żewġ.

Din il-banda kibret magħna.
Iżda ddum fost il-bnedmin,
Tibqa tifraħ tibqa tferraħ
B’noti ħelwa għal bosta snin

X’wirt sabiħ lil dan ir-raħal
Li kien l-ewwel fit-twemmin
Ġnejna tfuħ fit-tramuntana
Warda fil-gżejjer Maltin

Prosit ngħidu lil min mexxa
Lil dil-banda b’tant bżulija
Lid-diretturi u lill-bandisti
Għas-suċċessi f’kull turija

Lejk indur sbejħa padruna
Għax il-għaqda ismek iġġib
Omm rebbieħa ibqa ħarisha
U eħlisha int minn kull tigrib

F’dawn il-ġranet ta’ tifkira
Tifħir ninsġulek ferħanin
Viva l-għaqda tal-padruna
U l-banda tan-Naxxarin.

Mark Mangani