Attivitajiet, Aħbarijiet, Festa 2015

L-ewwel Sibt għall- Festa 2015

Sbaħna ilkoll illum għal-ewwel sibt tal-Vittorja. L-ewwel Sibt minn 9 bi preparazzjoni għan-novena tal-Festa. Dawn is-Sibtijiet huma tradizzjoni tar-raħal tagħna li ilhom ġejjien mil- ewwel festa ta Dun Nerik Cordina Perez bħala Kapillan, fl’ 1927. Dawn tant ġew milqugħa b’entużjażmu li għadna niċċelebrawhom sal-ġurnata tal-illum.  Huwa żmien sabiħ fejn wieħed jibda jiprepara lilhu innifsu bil-ħerqa għal dan iż-żmien sabiħ tal-Festa.

Kif ħafna jafu, din is-sena taħbat propju l-450 sena mir-rebħ tal-Assedju il-Kbir fuq it-Torok li seħħ propju fil-jum tat-8 ta’ Settembru 1565, f’jum il-Vittorja.

7

Għaldaqstant biex nibdew niċċelebraw din il-festa ser nippublikaw għal-ewwel darba poeżija tal- awtur Charles Mifsud, li ta din il-poeżija lis-soċjeta tagħna.

F’JUM IL-VITORJA
Ejjew ferħana, mal-kotra kbira tagħna
nifirħu u nfakkru ġrajjiet dan il-jum
li ra lil Marija, tarbija, bla ħtija,
u l-għadu li xtaq li jeqridna… mitmum.
Ħalluhom il-qniepen idoqqu,
isellmu lil-Marija, mill-għoli tal-kampnar.
Ħalluhom iperpru l-bandieri,
fiż-żiffa ta’ Settembru, fuq djarna, fuq is-swar.
Jekk darba ġo l-Eden il-prinċep tal-ħażen kien wettaq vittorja fuq mara w nisilha għax seħħlu jġarrafha fid-dnub,
il-bejta tax-xjaten inħakmet mill-biża’ għax waslet mar’ oħra li twieldet biex twelled lil min kien se jxejjen id-dnub.
Ġrajj’ oħra mehmuża mat-tajfa tal-gżira,
minbarra t-tifkira ta’ dil-ġrajja kbira
tal-ftim ta’ Marija mill-ġuf,
hi r-rebħ illi Malta fi żmien żewġ assedji gawdiet fuq l-għedewwa li riedu bid-dnewwa jaraw unur ġensna… mitluf.
Ejjew ferħana, mal-kotra kbira tagħna
nifirħu u nfakkru ġrajjiet dan il-jum,
b’tifkira għażiża ta’ miġjet Marija,
w għal ġieħ illi kisbet gżiritna… mirqum.
Charles Mifsud