Aħbarijiet, Festa 2015

It-Tieni Sibt għal-Festa 2015

 Biex nibqgħu fuq it-tema tal- Asssedju l-Kbir, għal din il-ġimgħa ħsibna biex nitkelmu ftit fuq il-Granmastru de Valette.

Il-Granmastru Fra’ Jean Parisot de Valette x’aktarx li twieled nhar l-4 ta’ Frar 1495 ġewwa Parisot, raħal ċkejken (komun) fil-provinċja ta’ Rouergue li tinsab fil-lbiċ ta’ Franza. Huwa daħal membru tal-ordni ospitaliera meta kellu għoxrin sena, fil-lingwa ta’ Provance u baqà devot u leali lejn l-ordni sal-aħħar. Wara karriera militari mill-aqwa, fejn kien preżenti fl-aħħar assedju ta’ Rodi u okkupa ‘l għola pożizzjonijiet huwa ġie maħtur

Image1
Inċiżjoni kontemporanja tal-granmastru de Valette li saret Venezja fl-1565 minn Donato Bertelli.

id-disgħa u erbgħin granmastru tal-ordni ospitaliera ta’  San Ġwann ta’ Ġerusalem nhar il-21 ta’ Awwissu 1557. Huwa kien is-suċċessur tal-granmanstru Fra’ Claude de la Sengle (1553-1557) u l-predeċessur tal-granmastru taljan Fra’ Pietro del Monte (1568-1572 u għalhekk kien is-sitt granmastru tal-kavallieri fil-gżejjer Maltin. Huwa jibqà  l-iktar imfakkar bħala l-mexxej astut u vittorjuż tal-Assedju l-kbir tal-1565 u għall-bini tal-belt Valletta li għadha sal-lum il-ġurnata ġġib ismu. Huwa miet qabel ma’ tlestiet nhar il- 21 ta’ Awwissu 1568 fl-istess ġurnata li fiha snin qabel kien elett granmastru. Huwa jinsab midfun fil-kripta tal-konkatidral ta’ San Ġwann u fuq is-sarkofagu tiegħu nsibu din l-epigrafi miktuba minn Sir Oliver Starkey:

Image2
ILLI ASIAE LIBYAEQUE PAVQR, TVTELAQUE QUONDAM EVROPAE EDOMITIS, SACRA PER ARMA GETIS; PRIMUS IN HAC ALMA QUAM CONDIDIT VRBE SEPVLTVS, VALLETTA AETERNO DIGNUS HONORE IACET. (Hu li kien il-biża’ tal-Asja u l-Afrika ta’ Fuq, Li kien il-protettur tal-Ewropa, li minnha keċċa l-barbari Bl-armi mqaddsa tiegħu; Kien l-ewwel li ndifen fil-belt maħbuba li waqqaf. F’Valletta bl-unur mistħoqq jistrieħ għal dejjem.)
Image3
Parti mill-armatura tal-Granmastru de Valette li tinsab ikkonservata fil-mużew tal-armerija fil-palazz maġisterjali.