Aħbarijiet, Festa 2015

It-Tielet Sibt tal- Festa

Għat-Tielet Sibt ħsibna biex inħarsu ftit lura lejn il-festa ta’ Marija Bambina minn ġurnali taż-żminijiet imgħoddija.

Bambina
Ritratt li deher fuq il-‘Berqa’ f’jum il-festa tal-1937

Artiklu li ġie ippublikat fil-‘Berqa’ tas-7 ta’ Settembru 1935.

Jum ir-Rebħa!

Iż-żmien donnu m’għandux saħħa biżżejjed biex inessi lill-Maltin ta’ llum ir-rebħa kbira li għamlu missirijietna fl-1565 fuq l-għadu tas-salib. Fost dan il-ħafna taħdit ta’ gwerra, fost dan il-ħafna kliem li jkexkex u li jhedded, il-Maltin ħallew rokna f’qalbhom bla mittiefsa għal dawk li fdew l-Ewropa mill-jasar u lil Malta mill-kefrija tal-Misilmin.

Il-gwerra li kienu mġagħlin jagħmlu missirijietna ma kinitx gwerra mqanqla mill-egoiżmu u mill-kburija: ma kienitx gwerra ta’ tpattija u ta’ mibegħda, iżda kienet gwerra qaddisa, gwerra tad-dgħajjef mas-setgħan li tixbaħ fit-tifsir tagħha lit-taqbida tat-tfajjel David mal-ġgant Gulija.

Meta, fit-18 ta’ Mejju 1565, il-kanun tal-Forti Sant’Anġlu ġie mwieġeb minn tfaqqigħa minn Sant’Jermu u oħra minn San Mikiel, bħala turija li l-armata Torka kienet fil-qrib, il-Maltin m’hux talli ma beżgħux, iżda talli ġabru l-ħila u l-qlubija tagħhom u ħejjew ruħhom għat-taqbida li kellha tkun il-mewt jew il-ħajja tagħhom, il-fidwa jew it-telfien ta’ l-Ewropa, it-trijonf jew it-tkażbir tal-ġnus insara.

Għad li għaxar darbiet inqas fil-għadd mill-għedewwa tagħhom u tad-din imqaddes tagħhom, il-Maltin ma qatgħux qalbhom, u bi ħsieb u b’qalb waħda tqabdu ma’ min ried ikasbar il-jeddijiet tagħhom u ta’ art twelidhom li kienet dejjem l-għira ta’ l-aktar ġnus setgħana.

Mgħejjuna min-nisa u minn uliedhom, l-irġiel Maltin tqabdu sider ma sider ma’ min qatt ma basar li ser joħroġ tellief.

It-taqbida tagħhom ma kienitx gwerra bejn il-bniedem u x-xjenza, li hija għamja saħansitra għat-trabi, iżda kienet gwerra li tixhed il-qlubija u d-dehen ta’ kull wieħed li ħa sehem fiha.

Fl-1565 l-Ewropa kienet mixgħula għal din id-daqsxejn gżira. Miżjura u maħbuba mis-Slaten ta’ l-Ewropa.  Malta baqgħet sal-lum imsemmija għall-ġrajjiet mimlijin ġieħ tagħha u għall-qagħda li għanda fil-baħar Mediterran, mogħtija lilha minn Alla.

Illum għall darb’oħra, din il-gżira saret it-taħdit ta’ ġnus l-aktar setgħana; għal darb’oħra l-isem ħelu tagħha qiegħed jixxerred ma l-erbgħat irjieħ tad-dinja.

Li kieku fil-jiem ta’ l-Assedju kienet teżisti d-dinja tar-reklam u ta’ l-istagħġib li qegħdin ngħixu fiha aħna, kieku fuq Malta kienu jinkitbu bibljoteki sħaħ; kieku ma’ dak li nkiteb fuq din il-gżira bl-akbar foħrija minn nies ta’ kull nisel, kienu jiżdiedu mijiet ta’ volumi oħra; u ma l-ismijiet ta’ Ċejlu Tonna, Luqa Briffa, Mattew Callus, Toni Bajjada, Ġlormu Cassar u oħrajn, kienu jiżdiedu l-ismijiet ta’ dawk il-Maltin li llum tagħhom ma baqax ħlief tifkira mċajpra.

L-eżempju li taw lid-dinja missirijietna għandhom ikunu l-eżempji li jmexxuna għalli ġej fit-taqbida ta’ din id-dinja bla sliema.  Il-għaqda u l-imħabba kienu l-aktar żewġ armi qawwija tagħhom u l-istess armi għandhom ikunu dawk li jħarsu triqtna fil-mixja bla heda u quddimija tagħna għall-kobor ta’ din il-gżira li ssaqqiet b’demmhom.

 Avviż u silta mill-programm mużikali li deheru fil-‘Berqa’ lejliet il-festa tal-1937.
berqa program

 

Poeżija mill-‘Berqa’ tat-8 ta’ Settembru 1964.             

Lil Marija Bambina F’Jum il-Milied Tagħha

 

Semma leħnek, ja ħelwa Bambina
Lil ġens tagħna li jħobbok tassew!
Għaqda aħwija, mill-ġdid xettel fina
Biex il-ġlied ta’ bejnietna ninsew.
 
 
 
 

Għax kull meta l-għedewwa ħabtuna,
B’kull mod riedu jxejnulna t-Twemmin;
Lilek tlabna Madonna ċkejkuna!
Smajtna… ħriġtna fuq dawn rebbiħin.
 
 

F’dan il-Jum kbir, għażiż ta’ Twelidek,
Malta u Għawdex jinġabru f’riġlejk
Għalenija, dil-karba jtennulek: –
-Qlub uliedna żommhomna f’idejk-
  
 

Jibqa’ jżommok Pajjiżna b’Rebbieħa!
Jibqa’ jqimek b’Patruna mill-kbar!
Bik jinsabu ’Llum l-aktar ferrieħa
L-Isla, x-Xagħra, l-Mellieħa, n-Naxxar
 
 
 

Anton Ħaber