Aħbarijiet, Festa 2017

Ħolma li qiegħda ssir realtà

Bħal’ llum xhar inkunu qegħdin niċċelebraw il-Festa tant għażiża tagħna ta’ Marija Bambina. Jum li storikament huwa importanti kemm għal ġrajjet Malta kif ukoll għal fidi li inħaddnu. Kien ferm għaqli li waqt is-seduta ġenerali straordinarja tal- Ħadd, 28 ta Lulju, 2013 ġie deċiż biex is-soċjeta’ tagħna titwaħad b’mod permamenti mal-isem Marija Bambina, biex hekk tkun l-ewwel u l-unika soċjeta’ f’raħalna li iġġib isimha, u b’hekk waħda mill-akbar ħolmiet twetqet.

Ħolma oħra li is-soċjeta’ tagħna għandna għal qalba u li qeda issir realtà hija dik tal-koppla tal-każin. Proġett ambizzjjuż li miexi b’pass stabli. Wieħed min  nies li huwa direttament involut f’dan il-proġett huwa ħadd ħlief John Muscat, li aparti li huwa il-kaxxier tas-soċjeta’ huwa l-artist adhoc tas-soċjeta’ u hawn taħt ġabbar ftit informazzjoni u aġġornamenti fuq dan il-proġett.

L-idea li ssir koppla fit-tromba tat-taraġ nibtet fl-1993però kien fl-1997 meta sar il-kontra-bejt ġdid, li saret il-bażi għaliha minn Jimmy Sacco. Ix-xogħol waqaf hemm u għaddew is-snin minkejja li l-idea baqgħet tberren, sakemm fl-2012 sar disinn ġdid aktar elaborat u nbeda x-xogħol tal-ġebel. Inħadmet ukoll forma tal-injam għall-konkos tal-parti sferika tas-saqaf tagħha. Dan ix-xogħol sar minn John Muscat u Olvin Attard.

Sadanittant ġiet sottomessa l-applikazzjoni għall-permess meħtieġ għall-bini. Dan inħareġ fl-2014 u f’Ġunju ta’ wara nbeda l-bini tat-tqegħid tal-ġebel minn Tony Galea. Wara ntramat il-forma u ngħata l-konkos. Issa kien imiss l-invjar u l-iskultura fil-ġebla, tkaħħlet, ġiet irfinuta mill-ġdid u wara tneħħa s-saqaf biex b’hekk ġiet imniffda mal-każin. Dan ix-xogħol sar ukoll minn Tony Galea mgħejjun minn diversi partitarji oħrajn. Wara saru l-lunetti jew pendenti li nħadmu fl-injam u nksew bil-plywood.

Jonqos l-ornamentar bl-istucco li mistenni jibda wara l-festa biex ‘il quddiem issir iż-żebgħa u l-induratura bid-deheb u fl-aħħar titwaħħal il-pittura mill-Kav. Adonai Camilleri Cauchi ħalli din il-ĦOLMA tkun kompluta tassew u tkun tista’ titgawda minn kulħadd. Prosit lil kull min ħadem jew għen bl-offertà tiegħu b’risq din l-opra.

John Muscat

20374660_1083894265074283_7799304648535385737_n
Ritratt: Christian Bianchi