Aħbarijiet

B’Sobgħa Kbira iħallina Nenu Mula

Ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt ta’ Carmel Mula  magħruf aħjar bħala Nenu.

Nenu twieled fit-23 ta’ Awwissu 1939, minn Ċensu Mula u Ċensa Muscat, it-tnejn min-Naxxar. Huwa kien tifel waħdu u qatta tfulitu f’numru 31, fi Triq Santa Luċija, li dak iż-żmien kienet triq mimlija attività. Fl-1955 huwa qagħad għall-eżami u daħal bħala apprendist id-dockyard fejn baqa’ jaħdem bħala fitter għall-ħamsa w erbgħin sena sħaħ.

Huwa daħal membru fil–każin Vittorja meta kellu tmintax–il sena, hekk kif kienet il-prassi, u kien approvat uffiċjalment bħala soċju fis-seduta tal-kumitat li saret fit-18 ta’ Lulju 1957. Wara ħafna inkoraġġiment mill-ħbieb tiegħu li kienu jiffurmaw parti mill-amministrazzjoni tal-Każin Vittorja, huwa sar membru fil-Kumitat fl-1959 u l-ewwel seduta li attenda kienet propju dik tal-Ġimgħa, 23 ta’ Jannar 1959.  Tista’ tgħid li minn hemm huwa għamel 48 sena sħaħ fil-kumitat fejn ħaddan diversi karigi fosthom Assistant Segretarju, Assistant Kaxxier u saħansitra Viċi President sakemm irtira mill-Kumitat fl-2006 flimkien mal-mibki President Emeritus Toni Catania.

30173802_10155618798993250_494525589_o.jpg

Kien propju għalhekk li fuq suġġeriment tas-sur John Muscat, fis-seduta tal-Kumitat li saret nhar is-16 ta’ April 2015, Nenu Mula b’sodisfazzjon ġie maħtur membru onorarju ‘għall- kontribut u s-sostenn kontinwu li ta’ lis-soċjetà’ għal ħafna snin’. Kien unur li verament qatt ma stenna u wisq inqas ippretenda! Filwaqt li mill-ġdid nirringrazzjah mill-qalb għax-xogħol diskret u bla waqfien li dejjem wettaq u baqa’ jwettaq sal-aħħar għas-Soċjetà, nittama li fil-futur ikun hawn iktar membri li jsegwu l-eżempju tiegħu ta’ appoġġ u ħidma bla waqfien fil-volontarjat.

Min hawnhekk il-President, Kumitat Ċentrali u il-Kummissjonijiet fi ħdanu, jixtiequ jagħtu il-kondoljanzi sinċieri lill martu, lit-tifel Victor u lill-familjari tieghu.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ Dejjem