Attivitajiet, Aħbarijiet

Kors tal-Arti għat-Tfal B’Xejn!

Bħala parti mill-proġett, “Gathering youths through Arts”,  ser issir kors tal-Arti għal matul is-Sajf mas-Sur John Paul Muscat (għalliem tal-Arti). Dan il-kors li se jkunu qiegħed isir fis-soċjeta’ tagħna stess u se jkun miftuħ għal dawk it-tfal li telgħin fil-ħames u s-sitt sena tal-Primarja (8 -10 snin). Primarjament, dawn il-lezzjonijiet tal-Arti se jgħinu lill-istudenti jkunu kreattivi billi jħarsu lejn l-Arti minn perspettiva differenti.

Il-lezzjonijiet se jkunu maqsumin b’ tali mod li xi xogħlijiet finali magħmulin mill-istudenti li jattendu dan il-kors se jkunu esebiti fis-Sala tal-Oratorju dakinhar tal-Kunċert tat-Talent Żagħzugħ. Dan se jsir minħabba l-fatt li ċerti lezzjonijiet se jkunu bbażati fuq l-istess tema li se jkun ibbażat dan il-kunċert annwali mtella’ mill-banda żagħżugħa tagħna.

Copy of Arts School.jpg

Il-lezzjonijiet se jiffukaw fuq xogħol 2-D bħal tpinġijiet u pitturi u dak 3-D bħall-immudellar bit-tafal fost l-oħrajn. Matul dan il-kors ta’ 8 lezzjonjiet, it-tfal se jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ u jitgħallmu jħaddmu materjali artistiċi differenti bħall-watercolours, wax crayons, tpenġija u sfumar bil-lapes u anke bil-kuluri tal-lapsijiet, kif ukoll immudellar bit-tafal u materjali oħra. Barra minn dan, l-istudenti se jitgħallmu jħaddmu u jesperimentaw ukoll b’numru ta’ tekniki differenti. Permezz ta’ dawn il-lezzjonijiet, li se jkunu ispirati minn artisti u perjodi artistiċi tradizzjonali, l-istudenti se jsiru jafu wkoll fuq xi artisti tradizzjonali bħal Leonardo Da Vinci, dawk kontemporanji bħal Pablo Picasso, Wayne Thiebaud u Romero Britto, kif ukoll dawk lokali bħal Gabriel Caruana u Sina Farrugia Micallef.

Il-Kors se jkun mifrux fuq tmien ġimgħat (8 sessjonijiet) għal matul ix-xahar ta’ Lulju u dak ta’ Awwissu.

Min hu interessat, jista’ japplika l-applikazzjoni online li qeda hawn taħt.

Għal aktar informazzjoni tista’ ukoll tikkuntattja lil John Paul Muscat fuq: 79906652

L-applikazzjonijiet se jkunu miftuħin għal dawk il-ġenituri/gwardjani li għandhom it-tfal telgħin fil-ħames u s-sitt sena tal-Primarja (Year 5 u Year 6) u se jintlaqgħu abbażi ta’ first come first served minħabba li l-postijiet huma limitati.

Il-lezzjonijiet se jibdew fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju, għaldaqstant l-aħħar ġurnata li fiha se jkunu aċċettati l-applikazzjonijiet hija nhar is-Sibt 30 ta’ Ġunju.

Dan il-kors huwa parti mil-proġett “Gathering youths through Arts”, grazzi għal-fond mill-Kommunitajiet Kreativi fi’ ħdan l-Kunsill tal-Arti, Ġunju 2018.

 

Is-sessjonijiet ta siegħa ser issiru f’dawn il-ġranet ta hawn taħt u ser issiru bejn l-4:00 u l-5.10pm

Lulju Awwissu
Ħamis 5th Ħamis 2nd
Ħamis 12th Ħamis 9th
Ħamis 19th Ħamis 16th
Ħamis 26th Ħamis 23rd

 

IMLA L-APPLIKAZZJONI T’ HAWN TAĦT

L-Informazzjoni kollha hija għal-użu għal proġett “Gathering Youths through Arts” u hija protetta mill-liġi tal-Protezzjoni tad-Data u GDPR.