Attivitajiet

Is-Sitt Sibt tal-Festa

Reġgħa sebaħ jum is-Sibt u miegħu iħeġġeġ aktar qlub in-Naxxarin għal wasla tal-festa ta’ Ommna Marija Bambina.8thSept_367

Il-festa ad unur it-twelid imqaddes ta’ Ommna Marija, jew kif ġiet magħrufa iktar tard, il-Vittorja, hija l-eqdem festa u għal żmien twil kienet l-unika festa li kienet tiddentifika l-poplu Malti. Għalhekk apparti li n-Naxxarin jiċċelebraw festa reliġjuża u titulari, niffesteġġjaw ukoll festa  nazzjonali fejn infakkru r-rebħa glorjuża tal-1565.

Għal soċjetà mużikali, din hija l-qofol jew aħjar vetrina, fejn ikun esebit u żvelat ħafna mix-xogħol li jkun sar b’tant dedikazzjoni preċedentament matul is-sena. Huwa dak il-punt fejn il-membri kollha tas-Soċjetà, li matul is-sena jaħdmu qatiegħ f’dixxiplini differenti, jinagħqdu katina waħda biex is-Soċjetà tkun fuq quddiem u tiċċelebra festa xierqa lill-padruna għażiża tan-Naxxarin. Hija din l-atmosfera li wieħed jassisti għaliha jekk javviċina s-sede tas-Soċjetà f’dawn iż-żminijiet fejn b’entużjażmu jkunu qed jitfasslu u jimmaterjalliżżaw ħafna mill-preparamenti. Nibda bil-Kummissjoni Żgħażagħ Vittorjana li din sena ser tkun qed tfakkar l-għoxrin sena annivesarju mit-twaqqif tagħha u għalhekk apparti l-pjanijiet biex janimaw il-brijju li s-Soċjetà żagħżugħa tagħna tant rinomata għalih, fis-sulari ta’ fuq minn wara l-kwinti, jinġabru spiss flimkien biex jħejju xi sorpriża. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni Banda u l-bandisti, taħt it-treġija tas-surmast direttur u l-għalliema, jibdew jitħarrġu b’kunċert wieħed wara l-ieħor sabiex il-prestazzjoni li l-Banda Vittorja tagħmel annwalment fit-2 ta’ Settembru tkun impekkabbli. Hekk jiġri wkoll qalb sħabna d-dilettanti tan-nar li jkunu waslu fil-fażijiet konklussivi. Huwa l-mument ta’ sodisfajon fejn jibdew jippruvaw xi raddiena jew materjal sabiex ikollhom l-ewwel indikazzjonijiet. Fejn jidħol l-armar tajjeb niftakru li fin-Naxxar hawn it-tradizzjoni tas-Sibtijiet tal-Bambina u għalhekk it-toroq jibdew jiżżejnu minn kmieni. Ikun imiss umbad l-armar fis-swali tal-każin b’ xogħol ta’ sengħa mill-isbaħ, li dejjem jiżżanżan u jiżdied u jibda jsir it-tindif fuq l-armar ta’ barra sabiex jekk it-temp jippermetti dan jinħareġ u ma’ dawn ħafna u ħafna iktar.

Għalhekk f’dawn il-mumenti mpenjattivi, s-Soċjetà tkun qed tlesti biex tilbes il-libsa tal-festa hekk kif l-iċken fost l-għasafar jibda jbiddel rixu kif tfeġġ ir-Rebbiegħa. Huma mumenti mill-isbaħ fejn tara l-maturità u l-esperjenza tal-anzjani, d-determinazzjoni u l-energija taż-żgħażagħ kif ukoll il-ferħ u l-kurżità taċ-ċkejknin jitwaħħdu fit-tradizzjoni, l-kultura, l-ispiritwalità u l-innovazzjoni biex hekk is-Soċjetà tibqa’ dejjem vivaċi u l-festa tkun verament pont ta’ għaqda.

Artiklu miktub minn Mark Mangani