Attivitajiet, Aħbarijiet, Festa 2018

Festa 2018 – Festa kbira

Hekk kif ingħalaq is-separju tal-festa esterna 2018, ma nistgħux ma nkunux sodisfatti bil-festa kbira li kellna ġo beltna. Festa kbira mhux biss għan-numru ta’ nies li attendew bi ħġarhom imma għal kull ma sar matul il-ġranet kollha. Ma nistgħux ma nibdewx billi insemmgħu liż-żgħażagħ tagħna f’għeluq l-20 sena tagħhom u il-mod impekkabbli kif organizzaw il-briju, is-sorpriżi u kulma sar matul sena ħidma li jssarffu b’mod eċċellenti fil-jiem tal-festa.

Inkomplu billi nsemmhu lill sħabna id-dilettanti tan-nar, li għalkemm ma kellhomx sena faċli ħarġu bl-unuri kollha bil-wiriet stupendi tan-nar tal-art u dak tal-ajru b’xows mill-isbaħ li ġew imfaħħra mid-dilettanti Maltin.

Lin-nies kollha li sena wara sena jarmaw bla heda u Lill dawk li żdiedu magħhom f’dawn il-jiem biex intrama l-armar kollhu mill-isbaħ li tipposjedi is-soċjetà.

Ħallejna il-banda għall-aħħar għal raġuni li il-banda hija il-qofol tal-għaqda tagħna. Ma nistawx nirringrazzjaw biżżejjed lill-bandisti tal-post li sena wara l-oħra, servizz wara ieħor, ikunu hemm biex isem l-banda tagħna dejjem jikber, u dan fid-dawl li matul is-sena li ġejja ser inkunu qed niċċelebraw it-30 sena mit-twaqqif tagħha. Lill-kummissjoni banda, is-Surmast Direttur u l-assistent tiegħu. Lill-Assistent Surmast Direttur u l-għalliema, kif ukoll lill-bandisti kollha li ingħaqdu magħna tul sena ta servizzi.

Ngħalqu billi nirringrazzjaw lill-pulizija, tal-ħidma id f’id biex is-sigurtà u l-bon ordni ikunu imħarsa. Lill-kumitat tal-festa, lill-Arcipriet u l-kleru li dejjem jistinkaw għal-aktar għaqda u festa aktar ġenwina. Lill-Għaqda Mużikali Peace, u l-għaqdiet soċjali u politiċi kollha. Fl-aħħar bi żgur mhux l-anqas lill-kunsill Lokali u lis-Sindku li dejjem kienu ta għajnuna.

Ngħalqu billi nistiednu lill-kulħadd biex issa niltaqgħu bħala kommunità Naxxarija, għal dħul lura fin-niċċa tal-vara għażiża tagħna.

Niltaqgħu fl-attivitajiet li ġejjien għaċ-ċelebrazzjonijiet tat-30 sena mit-twaqqif tal-banda tagħna.

Viva Marija Bambina

Viva il-Banda li jġib isimha!