Attivitajiet

Ġurnata Għawdex mal-Kummissjoni Żgħażagħ

Il-Kummissjoni Żgħażagħ tixtieq tirringrazzja lil kull min Ilbieraħ, f’nhar Ħadd il-Palm, ingħaqad magħha għal ġurnata ġewwa Għawdex. Kien ammont ferm sabiħ ta’ membri tas-soċjetà li erħila lejn il-gżira tat-tlett għoljien, fejn hemmhekk żorna għadd ta’ wirjiet, esebezzjonijiet, knejjes u anke purċissjonijiet li huma sinonimi ma’ dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Kollox beda fis-7.30 a.m, fejn ltqajna ħdejn il-Kunsill Lokali tan-Naxxar u erħejnilha lejn il-gżira ta’ Għawdex. Mal-wasla f’Għawdex, kien hemm min waqaf għal bela’ te u ftit pastizzi ġewwa r-Rabat, filwaqt li grupp ieħor beda jżur uħud mid-diversi wirjiet li kien hemm fir-Rabat kif ukoll il-vari ġewwa l-knejjes ta’ San Ġorġ u tal-Katidral.

Wara ltqajna mal-artist Għawdxi, il-Kav. Paulo Camilleri Cauchi, artist li ħadem ħafna fil-każin tagħna, fejn għandna diversi xogħlijiet minn tiegħu. Dak il-ħin kellu esebizzjoni miftuħa, u għal daqstant żornieha u qagħad jispjegalna ftit ix-xogħol li kellu espost.

Kif kien għadna r-Rabat, rajna wkoll il-purċissjonijiet ta’ Ħadd il-Palm, dik tal-Knisja ta’ San Ġorġ u dik tal-Knisja ta’ San Franġisk. Għal ħabta tal-10.30 a.m., żorna ċ-Cittadella ġewwa r-Rabat stess, fejn dħalna u żorna l-Katidral ta’ Għawdex u wkoll attendejna għall-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm.

Wara ltqajna wkoll mas-Sur Charlie Camilleri li kien qed jesebixxi serje ta’ skulturi minn tiegħu. Ta’ min ifakkar, li Charlie kien esebixxa wkoll presepju ġewwa s-sede tas-socjetà tagħna, fil-wirja tal-presepji li għadha kif saret 4 xhur ilu.

Żorna wkoll il-każin tas-Soċjeta La Vittorja fix-Xagħra, fejn kien hemm esebizzjoni ta’ vari mill-isbaħ, u kif ukoll il-knisja ta’ San Ġwanni l-Battista ġewwa x-Xewkija. Wara morna nieklu ġewwa l-“Odyssey Restaurant” ġewwa Marsalforn.

Wara l-ikel, erħejnilha lejn in-Nadur, fejn hemmhekk iltqajna mal-artisti Għawdxin Adonai u missieru Michael Camilleri Cauchi. Bla dubju dawn iż-żewġ artisti żgur m’għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni. Kulħadd jaf kemm is-soċjetà għandha xogħol meraviljuż minn tagħhom u kemm għad irid ikollha. Kif konna n-Nadur, smajna l-quddiesa tal-5.00 p.m. ġewwa l-knisja tal-lokal.

Fl-aħħar attendejna għall-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Qala.

Għal aktar ritratti, għafas hawn.