Aħbarijiet

Stqarrija mill-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja, Naxxar

Il-President l-Onor. Dr. Michael Farrugia, flimkien mal-Kumitat Ċentrali, jinnota b’dispjaċir, li matul is-siegħat bikrin ta’ dalgħodu, ammont ta’ karti bi kliem dispreġġattiv fil-konfront tas-Soċjetà Mużikali Peace, ġew mitfugħa fil-pjazza u quddiem is-sede tal-istess soċjetà.

Il-Kumitat u l-kummissjonijiet tas-soċjetà jiddiżassoċjaw rwieħhom minn dan l-aġir, aġir li seħħ l-għada li n-Naxxar qam jitkellem fuq l-għaqda li urew iż-żewġ każini lbieraħ waqt il-purċissjoni ta’ Kristu Irxoxt. Dan huwa aġir irresponsabbli ta’ persuni li ma jridux l-għaqda fil-Belt għażiża tagħna, u aġir kodart li żgur mhux ser ifixkel il-proċess ta’ ftehim bejn iż-żewġ għaqdiet. Huwa biss ħsieb malinn li qed jipprova jxekkel dak kollu li qed isir fil-Belt tagħna.

Għaldaqstant, il-Kumitat jikkundanna mingħajr ebda riżervi dan l-aġir kodart u
malizzjuż, ġej min fejn ġej, li jimmina r-relazzjoni ta’ bejnietna.