30 Sena ta' Mużika - 2018 - 2019, Attivitajiet, Aħbarijiet

Iż-Żunżana tiċċelebra Jum l-Omm ġewwa l-każin tagħna

Nhar is-Sibt 11 ta’ Mejju fl-4.00 p.m., proprju f’lejliet Jum l-Omm, ġie mtella’ kunċert
ġewwa s-sede tas-soċjetà tagħna – it-tielet wieħed mis-sensiela ta’ ħames kunċerti mill-proġett “Iż-Żunżana”.

Dan il-kunċert bl-isema ta’ “Iż-Żunżana tiċċelebra Jum l-Omm”, kien taħt id-direzzjoni tal-Viċi President u l-Għalliem tal-istrumenti tar-Ram tas-soċjetà, is-Sur Daniel Vella. F’dan il-kunċert, numru sabiħ ta’ allievi u studenti tal-iskola tal-mużika “George Vella” ingħataw l-opportunità li jesebixxu t-talenti mużikali tagħhom billi anke daqqew flimkien bħala banda waħda. Ta’ min isemmi li f’dan il-kunċert smajna għall-ewwel darba “The Victory Trumpet Choir”, kif ukoll ltqajna mas-Sur Mauro Farrugia fejn qasam magħna l-esperjenzi mużikali tiegħu u n-namra tiegħu lejn il-mużika.

Għal aktar ritratti għafas hawn.

Wara l-kunċert kien hemm bibita żgħira għan-nies preżenti, fejn minn hawnhekk nixtiequ nirringrazzjaw lis-Sinjura Marica Borg talli provdithielna dan it-trattament.

F’dan il-filmat tistgħu ssegwu l-kunċert kollu li ttella’ nhar is-Sibt li għadda:

Kif semmejna ftit tal-jiem ilu, dan il-proġett jikkonsisti minn sensiela ta’ ħames kunċerti mtella’ minn ħames għaqdiet mużikali, flimkien mal-bandisti żgħażagħ tagħhom, b’mod konġunt. Wara l-kunċert ta’ nhar is-Sibt li għadda, issa jmiss li ż-żunżana żżur it-teatru ġewwa l-Kalkara u wara ssir supereroj ġewwa l-Qrendi.

Iż-Żunżana huwa proġett konġunt bis-Skema B “It-Taħriġ tal-mużika fil-baned” ko-iffinazjat mill-Aġenzija Żgħażagħ u l-Għaqda Każini tal-Banda.