Attivitajiet, Aħbarijiet

Riċeviment għall-Kunsilliera, Atleti u Membri mill-Kummissjonijiet tal-Każin

Ilbieraħ il-Ħamis, 11 ta’ Lulju, sar riċeviment ġewwa s-sede tas-soċjetà tagħna fejn kienu mistiedna s-Sinjura Sindku Anne Marie Muscat Fenech Adami u l-kunsilliera kollha l-oħra li ġew eletti għal din il-leġislatura. Dan ir-riċeviment sar sabiex il-Kunsill il-ġdid jiltaqa’ mal-membri tal-Kumitat Ċentali, kif ukoll ma’ dawk tal-Kummissjoni Żgħażagħ u tal-Kummissjoni Banda, u anke ma’ uħud mid-Dilettanti tan-Nar, sabiex b’hekk inżommu u nkomplu nkabbru l-għaqda li dejjem kellna bejnietna matul is-snin.

Għal dan ir-riċeviment kien hemm ukoll preżenti Gianluca Chetcuti u Elaine Genovese, żewġ atleti Naxxarin li ġabu unur lejn pajjiżna kif ukoll raħalna, meta kkompetew b’suċċess f’isem Malta ġewwa l-Montenegro, fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Logħob għall-Pajjiżi ż-Żgħar. Ta’ min isemmi li Gianluca rebaħ il-midalja tad-deheb fid-double trap fid-dixxiplina tal-isparar u Elaine rebħet il-midalji tal-fidda u tal-bronż fid-doubles u s-singles rispettivament fid-dixxiplina tat-tennis.