Aħbarijiet, Festa 2019

Ftit tagħrif dwar id-dinjità ta’ Knisja Kolleġġjata

Hekk kif ilkoll ninsabu ferħanin ferm bl-aħbar tal-unur kbir li bih il-Parroċċa għażiża tagħna ġiet elevata għad-dinjità ta’ Kolleġġjata nhar l-Erbgħa, 28 t’Awwissu, 2019 fl-okkażjoni tal-Ħruġ tal-Istatwa ta’ Marija Bamina min-Niċċa, ta’ min wieħed jifhem eżatt il-proċess kif ukoll xi jfisser dan it-titlu prestiġjuż.

Image may contain: indoor
Ritratt ta’ John Magro ta’ Images Photo Studio, in-Naxxar meħud 10 snin ilu.

Għaldaqstant hawnhekk għandkom issibu xi ftit tagħrif dwar id-dinjità ta’ Knisja Kolleġġjata:

Normalment, l-ewwel u qabel kollox, biex knisja tingħata t-titlu ta’ Kolleġġjata, il-Kappillan jew l-Arċipriet, fil-każ tan-Naxxar, il-W.R. Arċipriet Dun David Gauci, irid jitlob lill-Arċisqof biex jikkonsidra dan it-titlu billi jippreżenta ittra twila u informattiva bir-raġunijiet għaliex il-knisja tkun ħaqqha li togħla għad-dinjità ta’ Kolleġġjata. Dan isir mingħajr indħil u pressjoni tal-ebda għaqda jew individwi.

Hekk kif l-Isqof, f’dan il-każ, l-E.T. Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna jaċċetta din it-talba, joħroġ digriet lill-Arċipriet tal-Knisja li mbagħad tinqara lill-komunità. Wara, jiġi emendat l-istatut tal-Kolleġġjata fejn fih jiġu approvati d-drittijiet u d-dmirijiet tal-Kapitlu u dan jiġi approvat mil-istess Isqof.

Ta’ min jgħid li fi żmien l-imgħoddi, il-kolleġġjati, li ġejja mil-kelma “Kulleġġ”, għaliex fiha jkun hemm kulleġġ/grupp ta’ saċerdoti msejħin ‘Kanonċi’, li kienu jitwaqqfu mis-Santa Sede bil-bolla tal-Papa. 

Fost affarijiet oħra, il-Kapitlu għandu l-funzjoni li jiltaqa’ biex jitlob il-Liturġija tas-Sigħat, skont kif ikun mitlub mill-istatut, kif ukoll ikun preżenti fil-festi l-kbar tal-Knisja filwaqt li jara li l-liturġija fil-Kolleġġjata tkun iċċelebrata bl-aktar mod dinjituż.

Hawnhekk tistgħu ssegwu l-messaġġ tal-W. R. Arċipriet Dun David Gauci għall-Festa 2019, kif ukoll il-mument x’ħin qara d-digriet li l-Parroċċa ġiet elevata għad-dinjità ta’ Kolleġġjata.