Aħbarijiet

Il-Markiż John Scicluna – 50 sena mill-mewt tiegħu

Il-Markiż John Scicluna twieled in-Naxxar nhar is-16 ta’ Settembru, 1903. Huwa kien il-wild uniku tal-Markiż Giuseppe Scicluna, Bankier u negozzjant u Corinne Abela Pulis mill-Belt Valletta bint l-ispiżjar tan-Naxxar, Gaetano Abela Pulis. Huwa qatta’ tfulitu fir-raħal tan-Naxxar proprju fit-triq li llum il-ġurnata tinsab imsemmija għalih, eżattament fejn fil-preżent tinsab il-“Loyola House”. Huwa prinċipalment studja fil-Kulleġġ Ġiżwita ta’ San Alwiġi f’Birkirkara u pprosegwa b’istruzzjoni privata. Minn ċkunitu kellu ġibda sħiħa lejn dak kollu li kien konness mal-materja xjentifika u kien jehda b’inġenji innovattivi u makkinarji moderni, namra li tista’ tgħid baqgħet miegħu ħajtu kollha. Huwa ingħaqad fis-sagrament taż-żwieg mal-Barunessa Marija Violetta Testaferrata Mroni Viani nhar id-19 ta’ Settembru 1921, liema tieġ kien iċċelebrat mill-Arċisqof ta’ Malta, l-E.T. Dom Mauro Caruana fil-Knisja Parrokjali tan-Naxxar fejn iktar tard kellhom erba’ wlied; Joseph (1925), Albert-Patrick (1927), Marie-Corinne (1923) u Maria Angela (1924).

Pittura tal-Markiż John Scicluna, xogħol il-Kav. Pawlu Camilleri Cauchi, li tinsab fl-intrata tas-sede tas-soċjetà.

Ta’ min isemmi li l-Markiż John Scicluna kien wieħed min-negozjanti ewlenin f’pajjiżna u taħt it-tmexxija tiegħu l-bank tal-familja, ix-“Scicluna Bank” kompla jagħmel suċċessi kbar fejn eventwalment twaħħad man-“National Bank of Malta”. Biss minkejja li tilef lil missieru ta’ età żgħira ħafna, il-Markiż kien bniedem ta’ suċċess kbir fil-qasam tal-proprjetà u dak finanzjarju. Kien hu li kiseb il-ġnien tal-Ġiżwiti f’San Ġiljan u trasformah fil-Balluta buildings li tlesta fl-1928.  Huwa nvesta f’inizjattivi ġodda u waqqaf, “The Malta Export Brewery” li minkejja d-diffikultajiet f’qasir żmien bdiet tipproduċi il-birra Cisk Pilsner li kienet imfittxija sew mill-Maltin sakemm iktar tard issieħbet mas-Simonds Farsons biex fl-1948 flimkien iffurmaw is-Simonds-Farson-Cisk Limited. Ta’ min insemmu li l-Markiż kien benefattur u filantropu liema bħalu. Kien fl-1950 li għadda lill-Ġiżwiti il-“Loyola House” u l-artijiet ta’ madwarha b’ donazzjoni biex tiġi utilizzata għall-formazzjoni tan-novizzjati Ġizwiti f’Malta hekk kif għamel fl-istess sena meta trasferixxa l-Palazz Correa fi Triq l-Ifran, il-Belt Valletta fejn iktar kmieni kien hemm ix-“Scicluna Bank” lid-Dumnikani biex b’hekk isir kulleġġ edukattiv (St. Albert).

Kien fl-1952 meta għadda l-proprjetà li llum fuqha hemm l-istitut magħruf bħala ta’ Fra Diegu u kien fl-1963 li waqqaf il-“Marquis Scicluna Trust Fund” ħalli jsostni t-tagħlim avvanzat biex l-universitarji Maltin jipprosegwu fi studju speċjalizzati barra minn xtutna. Kien għal dawn il-kwalitajiet notevoli li nhar it-8 ta’ Diċembru 1966 kien maħtur f’ċerimonja bħala “Knight of Magisterial Grace” fl-Ordni Sovran Militari ta’ Malta. Biss dawn huma ftit mill-opri ta’ karità li wettaq u ninsab ċert li dawn huma ftit meta kkumparati ma dak li wettaq fis-skiet mingħajr daqq ta’ trombi ma’ familji u individwi fil-bżonn. Għalkemm tul ħajtu, il-Markiż għammar għal ħafna żmien fid-Drogonara, huwa għadda l-aħħar waqtiet ta’ ħajtu fil-villa li kellu f’San Pawl tat-Tarġa li llum sfortunatament m’għadhiex f’lokha. Huwa ħalla din id-dinja nhar l-14 ta’ Frar 1970, fl-età ta’ 66 sena, mibki minn dawk kollha li ħabbewh u li gawdew mill-ġenerożità u l-altruwiżmu tiegħu.

Biss irrid insemmi wkoll ir-rabta li l-Markiż kellu man-Naxxarin u t-tempju maestuż tagħna li għadu mogħni b’teżori imprezzabbli u opri tal-arti uniċi bħall-pavaljun raffinat u r-raġġiera tal-fidda fost ħafna oħra, li żgur kull min hu dilettant sema’ bihom. Insemmi wkoll ir-rabta kbira bejn dik li illum hi s-Soċjetà Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja, tan-Naxxar u dan il-benefattur kbir Naxxari. Kien hu li daħal għas-Soċjetà fl-iktar żmien diffiċli tagħha meta bħal sajjetta fil-bnazzi ġiet imkeċċija mil-post tagħha fi Triq Sant Luċija (Ta’ Klejs) fl-1949. Kienet il-qalb ġeneruża tal-Markiż Scicluna li ħennet u taffiet qatigħ minn dan iż-żmien ta’ qtigħ il-qalb, meta b’kortesija offra l-garaxx tiegħu fil-pjazza biex tgħammar fih is-Soċjetà li issa kienet imkeċċija minn darha. Kien imbagħad fl-1953, li s-Soċjetà stabbiliet ruħha fl-iskola tal-bniet fejn tinsab illum. Kien ukoll il-Markiż li baqa’ jsostniha regolarment u finanzjarjament sakemm tranġa l-lokal il-ġdid biex eventwalment stabbiliet ruħha u ħarġet minn din il-kriżi. Kien għalhekk li l-membri għarfu jaħtru b’għaqal kbir u jonoraw lill-Markiż John Scicluna bħala l-ewwel patrun tas-Soċjetà fl-1959, kariga li laqa’ u ħaddan sal-aħħar jiem ta’ ħajtu.

Kien proprju l-Każin Vittorja li qatt ma nesa lill-benefattur ewlieni tiegħu, tant li ħarġet bl-inizjattiva u ħadet ħsieb tibgħat ittra datata 27 ta’ Frar 1970 lill-għaqdiet Naxxarin kollha sabiex jingħaqdu u jħejju mafkar biex b’dinjità jsellmu u jonoraw il-memorja tal-Markiż Scicluna. Kien għalhekk li twaqqaf il-“Marquis Scicluna Fund Committee” u saħansitra tħejja buzzett mill-artist Chev. Vincent Apap li llum għadu kkonservat b’għożża fis-sede tas-Soċjetà.  Għalkemm dan qatt ma mmaterjalizza kif pjanat, il-Kumitat tas-Soċjetà kien ħa ħsieb li almenu jitwaqqaf bust denju li llum jinsab mal-faċċata tal-Palazz Parisio fil-pjazza li nkixef uffiċjalment nhar it-28 ta’ Ottubru 1979.

Madanakollu s-Soċjeta’ bagħet qatt ma nsiet l-għemil ta’ dan il-persunaġġ altruwistiku li ta mhux ftit lin-Naxxar u lill-għaqda tagħna u kien għalhekk li meta fl-2012 l-intrata maestuża tas-Soċjetà ġiet iddedikata lill-ulied denji Naxxarin, poġġiet b’sodissfazzjon kbir ix-xbieha tal-Markiż John Scicluna biex qatt ma jintesa l-ġid kbir li wettaq fostna (- ara l-ewwel ritratt f’dan l-artiklu).

Għaldaqstant b’rispett, ammirazzjoni u ħajr, illum insellmu lill-Markiż John Scicluna, benefattur u l-ewwel patrun tas-Soċjetà tagħna f’għeluq il-ħamsin sena anniversarju minn mewtu. Ngħożżu b’żelu l-għemejjel tiegħu li kkontribwew biex wassluna fejn qegħdin illum. Niżżu ħajr lil Ommna Marija Bambina tal-eżistenza tiegħu u nitolbuha minn qalbna taqlgħalna l-grazzja li nsegwu l-eżempju tiegħu.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ etern lil dan il-qaddej denju tiegħek.