Aħbarijiet, Festa 2020

Jum il-Ħruġ Min-Niċċa 2020

Ta’ kull sena, il-jum tat-28 t’ Awwissu jati bidu għall-festa ta’ Marija Bambina fin-Naxxar. Ta’ kull sena, filgħodu sħabna d-dilettanti tan-nar jiftħu l-festa bi ħruq ta’ murtali u murtaletti, biex umbagħad filgħaxija nassistu għal ħruġ tal-istatwa meraviljuża ta’ Marija Bambina minn ġon-niċċa tagħha. Avveniment li n-Naxxarin kollha jkunu ilhom jistennew Sajf sħiħ – il-mument li l-festa tkun bdiet! Iżda minħabba s-sitwazzjoni li qegħdin fiha din is-sena, dan ma kellux ikun illum.

Ħruġ min-Niċċa 2018

Minkejja dan, din is-sena n-Naxxar xorta waħda qiegħed għaddej f’ċelebrazzjoni – iċ-ċelebrazzjoni tat-twaqqif tal-kolleġġjata. Filfatt ilbieraħ saret iċ-ċerimonja tat-twaqqif tal-Kolleġġjata u l-pusses tal-ewwel Kanonċi. Illejla ser inkomplu b’ quddies ta’ ringrazzjament mill-Kapitlu tan-Naxxar, li din ser tkun imxandra fuq il-Facebook Page tas-soċjetà kif ħabbarna aktar kmieni din il-ġimgħa. Tistgħu ssibu l-iskeda kollha hawnhekk.

Fuq il-paġna ta’ Facebook ser inkunu qed intellgħu innu marjan ieħor mill-album ‘Inselmulek f’Jum Twelidek’ bl-isem ta’ ‘Innu lil Marija Bambina – Patruna tan-Naxxar’ bi kliem ta’ Sunny Aquilina u mużika tal-Mro. Ray Scriberras, sabiex inkomplu nidħlu fl-ispirtu spiritwali tal-festa billi nfaħħru u nsellmu lil Ommna Marija Bambina!

Fuqna żomm il-ħarsa tiegħek
Ħelwa Omm tagħna Bambina,
Lejk induru żommna miegħek
Lil Ġesù Ibnek agħtina.