Aħbarijiet, Festa 2020

Jum il-Festa, il-Festa tal-Vittorja!

F’isem il-President tas-soċjetà l-Onor. Ministru t-Tabib Michael Farrugia u l-Kumitat Ċentrali, nawguraw lis-soċji tas-soċjetà u lill-partitarji tal-Banda Vittorja kif ukoll lin-Naxxarin kollha, il-Festa t-Tajba!

Kif kulħadd jaf, minħabba s-sitwazzjoni tal-pajjiż rigward il-pandemija tal-COVID-19, din is-sena ma stajnhiex niċċelebraw il-festa bl-istess mod tas-snin preċedenti. Minkejja dan, xorta waħda l-membri attivi tal-każin raw kif għamlu biex ifakkru u jiċċelebraw il-festa tal-Vittorja bl-aħjar mod possibli f’dawn iċ-ċirkostanzi. Filfatt matul il-ġimgħa tal-festa, din is-sena ttellgħu sensiela ta’ programmi varji u ferm interessanti fuq is-soċjetà u n-Naxxar, u li kienu mxandrin direttament fuq il-Facebook Page tas-soċjetà bl-isem ta’ ‘Festa Virtwali 2020’. Illum fadal l-aħħar żewġ programmi, fid-9:30 a.m. u fis-6:00 p.m. – Inħeġġukom issegwuna!

F’isem il-Kumitat Ċentrali, nirringrazzjaw mill-qalb lil kull min b’xi mod ta l-għajnuna tiegħu fil-festa ta’ din is-sena. Nirringrazzjaw ukoll lill-isponsors, benefatturi u dawk kollha li fl-aħħar jiem taw xi donazzjoni lis-soċjetà. Grazzi mill-ġdid!

Fl-aħħarnett, nitolbukom iżżommu lill-Assistenta Surmast Direttur Christine Vella fit-talb tagħkom peress li proprju llum ser isirilha intervent mediku. Nitolbu lill-Ommna Marija Bambina żżomm ħarsitha fuqha, kif ukoll nawgurawlha fejqan ta’ malajr u nittamaw li terġa’ tkun magħna mill-aktar fiss possibli!

Ritratt – Melvin Farrugia