Aħbarijiet

F’Għeluq it-Tmenin sena mit-twelid tal-Kav. Paul Camilleri Cauchi

Miktub minn Mark Mangani

Hekk kif dħalna fix-xahar festiv ta’ Diċembru, kulħadd ftit jew wisq jibda jħejji sabiex jiċċelebra l-ferħ kbir li jġib miegħu dan ix-xahar, b’mod speċjali din is-sena li hija waħda partikolari għall-umanità. Biss il-bidu ta’ dan ix-xahar ifakkarna wkoll f’Milied ieħor li jeħodna lura tmien deċenji, għaliex jaħbat proprju għeluq it-tmenin sena mit-tweild tal-artist rinomat u ċelebri, il-Kav. Paul Camilleri Cauchi. Żgur li min huwa intenditur tal-arti kontemporanja, dilettant tal-arti sagra jew midħla tas-Soċjetà tagħna huwa konxju tal-ħila u l-arti kkulurita li sawwar dan l-artist prolifiku.

Paul Camilleri Cauchi, twieled Għawdex, fil-Belt Victoria, nhar it-2 ta’ Diċembru 1940. Huwa t-tieni wild minn sitta tal-istatwarju magħruf Agostino (Wistin) Camilleri u Francesca néé Cauchi. Wieħed mill-ewwel jintebaħ li iċ-ċkejken Paul trabba f’familja fejn l-arti kienet prominenti ħafna, tant li fost ħutu Josephine, Alfred, Mario, Michael u Catherine, insibu ismijiet stabbiliti li wkoll irnexxew f’din is-sengħa. Fi tfulitu trabba fi Triq Għajn Qatet biswit il-bottega ta’ missieru fejn aktar tard attenda l-iskola primarja u s-Seminarju ta’ Għawdex. Naturalment, kif wieħed jistenna, huwa ħa l-ewwel istruzzjoni artistika mingħand missieru u pprosegwa t-tagħlim tiegħu taħt l-artist Taljan Gian Battista Conti kif ukoll taħt Joseph Briffa, Joseph Caruana u Toussaint Busuttil. Fl-1960 huwa gradwa mill-London School of Arts u wara pprosegwa fl-Accademia di Belli Arti Pietro Vannucci ta’ Perugia. Huwa kien ukoll għalliem tal-Arti f’ diversi skejjel, inkluż fl-iskola primarja tan-Naxxar fejn eventwalment wara diversi kummissjonijiet fl-arti sagra huwa stabilixxa ruħu bħala artist professjonali ta’ kalibru, hekk kif nafuh illum il-ġurnata. Karriera li waslet biex kiseb diversi rikonoxximenti u unuri b’apprezzament għall-kontribut tiegħu lejn il-kultura Maltija.

Naturalment, ma jistax jonqos li fin-Naxxar ukoll insibu diversi xogħolijiet ta’ dan l-artist. Insemmi biss il-pittura f’uħud mill-kupletti tan-navi tal-knisja Kolleġjeta tagħna li ġew iddekorati fis-snin tmenin. Biss apparti l-pittura fuq it-tila, il-kontribuzzjonijiet ta’ dan l-artist lejn il-wirt artisitku Naxxari jimraħ ferm iktar minn hekk. Insemmi pereżempju is-sena 1972 meta fin-Naxxar ġew introdotti għall-ewwel darba 34 figura bibblika fil-purċissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa kif ukoll fl-1974 meta kienu żżanżnu 34 kostum ieħor. Kien Paul Camilleri Cauchi li ħażżeż u ta l-pariri fuq it-tiswir ta’ dawn il-kostumi u saħansitra kien irtokkja l-personaġġi qabel il-purċissjoni flimkien ma’ ħutu f’dawn is-snin.

Biss ir-rabta tiegħu mas-Soċjetà Mużikali Marija Bambina hija waħda li tmur lura għexieren ta’ snin. Nistgħu ngħidu li kellhom ikunu l-karrijiet tal-karnival, attività li kienet ħajja mhux ftit u ġabet xejn inqas minn għaxar unuri lis-Soċjetà tagħna li fetħet it-triq għal din ir-relazzjoni li ssarfet f’ħafna kontribuzzjonijiet iktar ‘il quddiem. Kien Paul flimkien ma’ ħuh Alfred Camilleri Cauchi li ddisinjaw u żebgħu il-karru b’tema kontroversjali, ‘Fl-aħħar Wasalna’ li kien sar mid-dilettanti tal-“Victoria Club”. Karru trijonfali, li fl-1969 kien klassifika fl-ewwel post fil-kompetizzjoni nazzjonali tal-karrijiet tal-karnival. Kien imbagħad fl-1989, meta fil-Każin Vittorja kien qed iseħħ tibdil kbir bit-twaqqif tal-Banda Vittorja u għalhekk il-Kavallier Paul Camilleri Cauchi kien magħżul sabiex ipitter l-istandard prim tal-banda tagħna li għadu jintuża f’okkażjonijiet distinti sal-ġurnata tal-lum. Hekk sar ukoll fuq bosta standarti oħra oħra fosthom dak bin-Nome di Maria (1993), tan-Naxxar (1995), tal-Papa (1996) u ta’ Malta (1997).

Ma jistax jonqos li s-sede tas-Soċjetà tagħna, li tant issebbħet u nbidlet f’dawn l-aħħar snin, ukoll insibu x-xogħolijiet ta’ dan il-pittur rinomat. Kien proprju fl-1992 meta l-ewwel biċċa xogħol fuq it-tila sabet ruħha żżewwaq is-salott prinċipali tal-każin. Din hija l-pittura tal-Assedju l-Kbir li fiha naraw il-kavallieri fil-mument tal-Vittorja qalb il-katavri tal-għadu u t-tifrik li ħalla warajh l-Assedju qalil tal-1565. Kien imiss imbagħad id-dekorazzjoni u t-tisbiħ fis-saqaf tas-Sala prinċipali tas-Soċjetà, ‘8 ta’ Settembru’ fuq disinn ta’ Paul Camilleri Cauchi li kienet inawgurata fl-okkażjoni tal-millenju fejn fis-sena 2003 laħqet il-quċċata b’ tila ovali mdaqqsa li tiffigura lil Malta rebbieħa timraħ fuq xena mill-isbaħ tal-portijiet.

Opra oħra kienet it-tiżjin fis-Salott iż-Żgħir li kien inawgurat fl-1 ta’ Mejju 2006, fl-okkażjoni tad-90 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà. Hawn fis-saqaf naraw allegorija impressjonanti tal-mużika mehmuża mas-sengħa Naxxarija tal-ħaddieda li flimkien jikkumplimentaw lil xulxin fid-daqq tan-noti mużikali. Biss żgur li wieħed mill-isbaħ kapolavuri li jibqgħu fi qlub in-Naxxarin hija d-dekorazzjoni lussuża u rikka tal-intrata tas-Soċjetà li fiha nsibu żewġ allegoriji spettakolari tal-jum u l-lejl kif ukoll ix-xbihat ta’ tmien ulied denji Naxxarin li jsebbħu l-lunetti. Din l-intrata kienet inawgurata mill-E.T. il-President ta’ Malta, George Abela fl-2012 u li għadha sal-lum tiġbed l-għajn u tpaxxi lil kull min iżur is-sede tas-Soċjetà u nistħajjilha tfakkar lill-membri sabiex dejjem iżommu lil din is-Soċjetà u jaħdmu għaliha b’saħħithom kollha bil-lejl u bi nhar mingħajr waqfien! L-aħħar opra ta’ dan l-artist kellha tkun proprju il-portrait tal-mikbi President Emeritus is-Sur Anthony Catania, pilastru ħabrieki, li ġiet inawgurata minnhu stess, b’sorpriża nhar it-2 ta’ Settembru 2014. Wieħed irid jgħid li għandna nkunu ferm kburin b’dan il-wirt artistiku li ta’ warajna ser ikollhom ix-xorti li jgawdu waqt li jippassiġġaw fis-swali tas-Soċjetà fejn għandna x-xorti li fis-skiet tidwi l-id moħbija ta’ dan l-artist.

Għaldaqstant filwaqt li ngħożżu l-kapolavuri ta’ dan l-artist denju ta’ art twleidna, nifirħu miegħu f’għeluq sninu u nawgurawlu minn qalbna bl-ikbar sinċerità aktar snin ta’ hena mimlija b’sodisfazzjon u suċċessi. Il-kapaċità u r-reqqa fl-artistrija kkulurita tax-xogħolijiet numerużi tiegħu tibqa’żewwaq lil din l-art ħelwa u partikolarment lit-tempji majestużi tagħha fis-snin li ġejjin hekk kif l-apprezzament għal dawn il-kapolavuri għad itul mhux ftit, fit-taħdit, fl-studji u fl-ammirazzjoni.

Bibliografija:

-Dr. Aaron Attard-Hili, “The Accademic Colorista Paul Camilleri Cauchi”, 2014. ( Ta’ min jgħid li f‘dan il-ktieb wieħed isib biografija dettaljata u jidhru wkoll diversi xogħolijiet ta’ dan l-artist li jinsabu fin-Naxxar u partikolarment fis-Soċjetà tagħna)

-Mark Mangani, “Dun Karm Catania”, Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja, Naxxar, Festa 2014. (F’dan l-artiklu jagħti testimonjanza ta’ kif bdiet ir-rabta bejn  dan l-artist stability, n-Naxxar u s-Soċjetà tagħna li issa tmur lura għal diversi snin)