Aħbarijiet

L-Artist Adonai Camilleri Cauchi u s-Soċjetà

Kienet proprju s-sena 1989, is-sena li fiha ġiet inawgurata l-Banda Vittorja, li l-Kumitat kien ikkunsidra u sostna l-idea li jikkummissjona statwa ta’ Marija Bambina. Ma kienx hemm wisq fejn wieħed imur, jekk mhux għand l-artist rinomat, Michael Camilleri Cauchi li diġà kien wera biċ-ċar il-kapaċità tiegħu fin-Naxxar.

Is-Sur Anthony Muscat jirrakkonta kif kien biss ġimgħa wara l-festa, meta mar iżuru fil-bottega tiegħu. Kien hawn li l-artist Michael Camilleri Cauchi beda jsawwar l-ewwel ħsibijiet tiegħu fuq is-sura ta’ din l-opra. Ħareġ barmil taż-żingu, qalbu ta’ taħt fuq u tella’ lil bintu, filwaqt li ibnu Adonai, li kien għad kellu biss 3 snin, poġġieh mal-ġenb fil-poża ta’ puttin. Dakinhar is-Sur Muscat kien forsi profetiku fi kliemu meta tennielu li fil-ġejjieni min jaf kemm għad irid jordna statwi mingħand iċ-ċkejken Adonai. Kellha tkun propju din ix-xbieha meqjuma tal-Bambina, li sal-lum il-ġurnata għadha tinħareġ f’dimostrazzjoni lejliet il-festa, li fetħet it-triq għal relazzjoni produttiva li wasslet għal ħafna opri oħra.

Tista’ tgħid li minn hawn il-kuntatt ma’ dan l-artist ma waqafx. Iċ-ċkejken Adonai malajr tħarreġ u ħakem tajjeb is-sengħa ta’ missieru u l-familja tiegħu. Meta l-Kummissjoni Żgħażagħ urew ix-xewqa li ssir faċċata ornamentali għall-festa, malajr ħallew f’idejn l-aħwa Muscat li fil-pront marru kellmu ‘l-Adonai li kien diġà beda jagħmel xi xogħol għall-festi. Biss sakemm wasal biex għamel id-disinn tal-faċċata, Adonai Camilleri Cauchi kien diġà ddisinnja u ħadmilna erba’ bandalori bl-emblemi tal-Gran Mastri għat-trofej, li kien irħamahom hu stess flimkien ma’ missieru. Pitter ukoll il-Papa Ġwanni Pawlu II u ‘l San Ġorġ Preca li preżentament, qegħdin isebbħu s-salott tal-Każin tagħna.

Ix-xogħol tal-faċċata kien inbeda mid-dilettanti tas-Soċjetà, però fl-2009 kien wasal f’fażi fejn l-artist kellu jiffinalizzah. Għaldaqstant f’Lulju kien ġie jisfuma fil-Każin stess u ħadem fuqha lejl u nhar sabiex irnexxielu jlesti fil-ħin. Fit-2 ta’ Settembru tal-istess sena, ġiet inawgurata l-faċċata bl-isem ta’ ‘Ġawhra fi Qlubna’. Kien propju ftit wara, li beda mill-ewwel ix-xogħol fuq il-pedestall. L-immudellar tad-dekorazzjoni sar internament minn Adonai li għamel ukoll l-irħamar flimkien ma’ missieru.

Imbagħad wasal il-proġett tal-istatwi li jikkumplimentaw il-bażi tal-pedestall, proġett li għal darb’ oħra ġie fdat f’idejn l-artist Adonai Camilleri Cauchi. L-ewwel li ħadem kien propju l-allegorija tan-Naxxar, ħaddied imdaħħal sewwa fiż-żmien, bi skudett tal-erba’ parroċċi li ħarġu min-Naxxar f’idu l-leminija u l-bandiera Naxxarija f’idu x-xellugija. Wara, Adonai ħadem ukoll l-allegorija tal-‘Vittorja’, mara mogħnija bil-ġmiel li tirrapreżenta l-Għaqda, trijonfanti u melodjuża. Fl-aħħar kien imiss lill-Gran Mastru qalbieni Jean de Valette, isem li m’ għandu bżonn ebda introduzzjoni, fejn Adonai rnexxielu joħroġ il-karattru ta’ dan l-eroj galanti fil-perfezzjoni. Meta wieħed jitfa’ għajnejh fuq din l-istatwa, mal-ewwel jinqabad mill-figura imponenti, pompuża imma fl-istess ħin matura u viġilanti.

Kien ukoll dan l-artist li ddisinja u pitter b’ dettall kbir l-emblema tal-Kummissjoni Żgħażagħ fuq l-istandart ta’ din il-Kummissjoni u ftit wara ddisinja l-intrata majestuża tal-każin fejn b’reqqa kbira ssorvelja x-xogħol kollu li sar fuqha. Ma setax jonqos li fl-2016 ħejja l-emblema uffiċjali taċ-ċentinarju u l-lapida monumentali li tfakkar il-100 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà (1916 – 2016). Kien fl-istess sena li ħadem fuq l-istatwa ta’ Marija Bambina mfisqija, li fil-preżent tinġarr miċ-ċkejknin waqt il-Festa Tfal. Xbieha verament grazzjuża mirquma fl-istil Barokk.

Attwalment, Adonai Camilleri Cauchi qed jaħdem fuq il-pitturi tal-koppletta, proġett impenjattiv li se jkompli jdawwal u jwaħħad flimkien dawn l-opri kollha fil-każin tagħna. Kien propju fl-2018, li esegwa u ppreżenta l-buzzett ta’ wieħed mil-lunetti li jirrapreżenta l-arti viżiva, mara tiskolpi l-istatwa tal-Bambina bit-tfal ipittru fl-isfond. Dan se jkun kapolavur uniku fejn l-artist se jkun qed jesponi l-ħiliet artistiċi u l-kreattività profonda tiegħu fil-pittura b’mod estensiv hekk kif hemm ippjanati xejn inqas minn tnax-il kwadru.

Filwaqt li nħarsu ‘l quddiem għal aktar, minn qalbna nawguraw lil Adonai aktar snin ta’ ħidma u suċċess fil-karriera tiegħu.