B’Sogħba kbira nħabbru l-mewt ta’ Dun Karm Catania

Is-sena 2019 ser ikollha tispiċċa fuq nota ħażina hekk kif ftit tal-ħin ilu, tħabbret il-mewt tal-Qassis Naxxari u Direttur Spiritwali tas-soċjetà Dun Karm Catania. Il-President l-Onor. Ministru t-Tabib Michael Farrugia, il-membri tal-Kumitat Ċentrali flimkien mal-membri tal-Kummissjonijiet fi ħdan is-soċjetà jgħatu l-kondoljanzi sinċieri lil familja Catania u nwegħduha li qiegħda fit-talb tagħna f’dan il-mument diffiċli.

Għatih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Iktar l’ isfel erġgħajna ppublikajna artiklu li nkiteb fl-2014 mis-Sur Mark Mangani f’għeluq is-60 sena saċerdot u direttur spiritwali tas-soċjetà, li jixhed ix-xogħol siewi li għamel Dun Karm għall-komunità Naxxarija.

Dun Karm Catania waqt id-diskors tiegħu nhar is-27 t’ Awwissu tal-2014 fil-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar, meta l-Banda Vittorja tellgħet il-Kantata ‘Bi Twelidek Rebbaħtna’ f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tagħha.

Dun Karm Catania

Minn Mark Mangani BA. Hons (hist.), P.G.C.E.

Dun Karm Catania twieled fl-4 ta’ Frar 1928, u huwa t-tielet wild ta’ Pawlu Catania (tal-Brajba) u Ewġenja nee Borg (ta’ Bejbed), it-tnejn minn Naxxar. Missieru Pawlu kien jaħdem il-Belt fil-bank taċ-Ċisk (Scicluna Bank) u nteressanti ngħidu li ħu Ewġenja, Karmnu Borġ, kien wieħed minn dawk li tilfu ħajjithom fil-kamra tan-nar fl-inċident tal-1936. Fil-familja Catania nsibu disa’ aħwa; Vitor, Ġanni li kien jilagħab gowler man-Naxxar Lions u llum ħalliena, Dun Karm, Ġużeppi, Marija, Ninu li għamel snin twal president tal-każin Vittorja, Leli li hu membru tas-soċjetá tal-Mużew, Annie li hija soru u qegħda l-Filippini u Pawlu li huwa storiku u kiteb diversi xogħlijiet fuq in-Naxxar. Oriġinarjament il-familja Catania kienet toqgħod f’157 Triq Santa Luċija, iżda minħabba li kienet waħda numeruża, iktar tard imxiet għal wara l-knisja fi Triq il-Parroċċa.[1] Dun Karm minn dejjem kien midħla w involut fil-knisja tant li meta kien għadu tfajjel kien abbati. Meta lesta l-iskola sekondarja huwa ħass il-vokazzjoni saċerdotali u għalhekk daħal jistudja s-seminarju tal-Furjana li kien jinsab fejn illum hemm il-kurja. Iżda peress li l-binja ġiet milquta fil-gwerra, huwa ġie tasferit u kompla jistudja l-ewwel ġewwa l-iskola tal-gvern f’Ħal Qormi u wara Birkirkara fil-kunvent tas-sorijiet ġo Pjazza Infern. Eventwalment wara li ntemmet il-gwerra, temm l-istudji tiegħu fis-seminarju tal-Furjana fejn kien bdihom. Wara seba’ snin ta’ tħejjija huwa ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Mikiel Gonzi flimkien ma’ Dun Anton Mallia minn Birkirkara u Patri Valente, Karmelitan, ġewwa il-Konkatidral ta’ San Ġwann fit-8 ta’ Awissu 1954. Minkejja dan huwa qaddes l-ewwel darba fil-paroċċa ta’ raħal twelidu fil-5 ta’ Settembru 1954. Kien proprju ftit wara fl-1957 li bdiet ir-rabta speċjali tiegħu mal-każin Vittorja bħala direttur spiritwali.

Il-Każin Vittoria x’aktarx kellu l-ewwel sede tiegħu qrib il-kappella ta’ Santa Luċija, iżda xi żmien wara qrib l-1932 kien mexa għal numru 9,10,11,12 fi Strada Santa Luċija stess. Hekk kif intemmet il-gwerra fl-1949, wara ħafna taħbit u battalji legali, il-każin kellu jimxi temporanjament għal garaxx offrut mill-Markiż Scicluna biswit il-knisja. Kien żmien ta’ qtiegħ il-qalb iżda wara ħafna sforzi mill-kumitat dan ġie mogħti uffiċjalment l-iskola tal-bniet fi Triq Santa Lucija fit-12 ta’ Diċembru 1953 fejn għadu sallum. Pawlu Catania, missier Dun Karm kien wieħed minn dawk li tħabat ġmielu biex dik li kienet skola tal-bniet issir is-sede tal-kazin Vittorja. Għaldaqstant, ftit wara li dan seħħ, missier Dun Karm kien talab lill-membri tal-kumitat biex dakinhar li jqaddes ibnu, huwa jagħmel użu mis-sede tal-każin Vittorja. Din kienet okkażżjoni kbira li laqtet lir-raħal kollu u tista’ tgħid li, flimkien mar-riċeviment li kien sar fil-każin ftit qabel biex jilqa l-arċipriet il-ġdid Dun Pawl Said fl-14 ta’ Frar 1954, din kienet waħda mill-ewwel attivitajiet soċjali li saru fil-każin il-ġdid. Peress li l-lokal kien għadu kif jaqa’ f’idejn il-każin Vittorja u kien għadu battal, Pawlu Catania kien xtara xi brazzi għas-sala fejn kellu jsir ir-riċeviment u ġab minn daru dak li kien hemm bżonn. Dawn il-brazzi għad nistgħu narawhom fil-każin sallum.

Dak inhar kien il-Ħadd 5 ta’ Settembru u kien jaħbat ukoll jum it-tieni tridu u għalhekk in-Naxxar kien mżejjen ġmielu. Filgħodu kien sar riċeviment fis-sala tal-każin Vittorja fejn ftit wara Dun Karm, il-familjari u l-mistednin ħarġu mill-każin u mxew lejn il-parroċċa. Wara segwiet quddiesa kantata bil-mużika ta’ Ġuzeppi Fenech fejn Dun Karm kien liebes pjaneta mill-isbaħ irrakmata bid-deheb u li kienet tappartjeni lin-Naxxari Mons. Ġuzepp Zammit. Illum din tinsab ikkonservata fil-mużew tal-paroċċa. Wara kien sar pranzu mal-familjari u l-kleru fil-każin u għall-ħabta tal-5 ta’ filgħaxija kien hemm riċeviment ieħor. Dak inhar, Ninu Catania, ħu Dun Karm, kien għadda minn avveniment xejn sabiħ. Huwa u sejjer biex jittawwal mit-tieqa kienet inqabditlu l-ingravata ġol-fann, kien se jivga u mnalla li kien ħuh li qala’ l-plakka tal-fann fil-ħin! L-għada ukoll sar riċeviment filgħaxija fis-sala tal-każin. Peress li kien is-6 ta’ Settembru u għalhekk kien isir il-marċ tal-aħħar tridu bil-briju, hekk kif il-partitarji għaddew minn Triq Santa Luċija dawn kienu ġew mistiedna u daħlu għal bibita fil-każin Vittorja iżda sfortunatament kien inqata’ id-dawl!

Fost il-kitbiet numerużi li ħallielna Dun Anton Xiberras (Tax-Xallu), insibu propju ‘Id-Djarju tan-Naxxar’. Interessanti ngħidu li l-faxxiklu ddatat Settembru 1954 huwa jiddedikah interament ‘Lin-Novell saċerdot Dun Karm Catania fl-okkażżjoni tal-ewwel quddiesa biex fil-ħidma apostolika jista’ jressaq iktar lil ħutna Naxxarin kollha lejn Kristu Sidna u bħala patrijott kbir Naxxari jista’ jixgħel iktar fil-qlub l-Imħabba w id-devozzjoni lejn il-patruna tagħna Marija Bambina.’ Peress li huwa kien preżenti fiċ-ċerimonja u l-festini li segwew, hawn itina b’mod detalljat ħafna deskrizzjoni ta’ x’ġara dakinhar tal-5 ta’ Settembru 1954.[2]

‘L-Ordinazzjoni sagra f’San Ġwann tal-Belt, il-Konkatidral, saret nhar it-8 t’Awwissu mill-E.T. Mons. Arċisqof M. Gonzi.  Wieħed miż-żewġ saċerdoti ġodda li saru kien il-W.R. Dun  Karm Catania, min-Naxxar, bin Pawlu w Ewġenja Catania.

Mill-għada beda jqaddes privat fil-kappella fejn dam sal-4 ta’ Settembru.  Meta kien għadu djaknu, irnexxielu jqarben darba, nhar l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar, meta allura l-qassisin  kienu skarsi ħafna.

Illum huwa għandu qrib il-25 sena.  Twieled in-Naxxar, u sa minn meta kien żgħir kien dejjem abbati l-knisja.

Huwa studja fis-Seminarju ta’ Malta, il-Furjana, kemm il-ġinnasju, kif ukoll il-Filosofija u t-Teoloġija.

Il-5 ta’ Settembru, sewwa sew għeluq 11-il sena meta kien qaddes solenni Dun Salv Scicluna, u seba’ snin wara t-tlieta li laħqu f’salt wara Dun Salv, Dun Karm għamel l-Ewwel Quddiesa Solenni, b’festa tassew kbira w imponenti.

Sa minn awl-il-lejl il-qniepen ħabbru l-quddiesa mixtieqa.  U fil-għodwa tal-5 tax-xahar tal-Vitorja, sar it-trattament tradizzjonali qabel il-quddiesa għall-ħafna mistednin li marru jifirħulu l-Victoria Club li reġa’ ħa postu f’dik li kienet l-iskola tal-bniet. Hemmhekk wieħed seta’ jara l-ħafna rigali sbieħ li qala’ mingħand qrabatu u ħbiebu.  Kellu kamra mimlija bihom, u rigali sbieħ xi ħaġa.  Fost l-oħrajn kalċi sabiħ u prezzjuż li qaddes bih l-Ewwel Quddiesa, u l-purifikatur ta’ fuqu u l-palla, ndurati bid-deheb, disinn ħelu w artistiku tas-Sur Ġużeppi Grima, maħdum mis-sorijiet ta’ Ħal-Balzan.

Għat-trattament kien hemm fost l-oħrajn, l-Illmu. u Revmu. Mons. Emm. Micallef, ex-arċipriet tan-Naxxar u l-Kavalier is-Sur Johnnie Doublesin li għamlulu parrinijiet, il-Kaptan R. Mizzi, l-Arċipriet u l-qassisin kollha tan-Naxxar, is-Sur Ġużeppi Grima, u oħrajn.

Wara t-trattament il-korteo mexa lejn il-Knisja Arċipretali, fost iċ-ċapċip tan-nies, il-bnadar  ta’ fuq il-bjut u l-murtali u l-bombi.  Hu mexa quddiem mal-parrinijiet, ommu  missieru u ħutu, l-kleru u qrabatu, ħbiebu w il-mistidnin.

Fil-knisja laqgħuh l-kant tal-Ecce Sacerdos.  Imbagħad it-Terza Kantata, u wara ħarġet il-quddiesa.  Għamlulu Ministri Dun Anton Xiberras, djaknu, u Dun Ġużepp Sammut sud-djaknu.  L-Arċipriet għamillu Presbyter.

Wara l-Vanġelu, l-W.R. Patri Lawrenz Cecy Kapuċċin, ħabib antik tagħhom, niseġ il-paniġirku fuq il-kobor tas-saċerdozju.  Imma kien kommoss iż-żejjed, kien għadu kif qam minn marda qalila, u għalhekk f’nofs siegħa spiċċa kollox u ma kienx fuq tiegħu bħal dari.

Il-mużika komposta minn xi ħamsin ruh, kienet taħt it-tmexxija tas-Surmast Ġużeppi Fenech, quddiesa komposta minnu stess u li rnexxiet tajjeb ħafna.  Kulħadd faħħarlu dik il-quddiesa, li wriet il-ħila kbira ta’ dan is-Surmast żagħżugħ.

Wara l-quddiesa sar l-osklu tal-idejn iċ-ċelebrant.  Wara li resqu l-parrinijiet, il-Ministri u l-Kleru, resqu l-ġenituri tiegħu.  U hawn kienet l-iktar parti kommoventi taċ-ċerimonja.  Imbagħad resqu n-nies u Dun Karm dam qatigħ biex jeħles dik il-folla kollha li riedet tbus l-idejn ikkonsagrati tiegħu.

Huwa ta l-barka Papali qabel spiċċa l-quddiesa, u waqt l-osklu, l-mużika daqqet l-antifona tal-Vitorja, li ferrħet mhux ftit lin-nies.  Il-mużika, minħabba l-ħafna daqqaqa u kantanti saret fil-kor.

Waqt il-Glorja tqassmu sunetti miktuba minn Franġisku Saverju Schembri u Santi bil-kitba ta’ Dun Anton Xiberras.

Lill-mistidnin speċjali Dun Karm qassmilhom is-Santi ta’ diversi kwalitajiet ta’ kitba: waħda bl-Ingliż, sempliċi tifkira, oħra bil-Latin, l-isbaħ waħda , tal-Profs. Dun Alwiġ Schembri, u l-oħra bil-Malti ta’ Dun A. Xiberras, u magħhom, li kienet sorpriża, ritratt tal-Knisja Arċipretali u biċċa mir-raħal, u l-Bambina ħierġa minn kewkba, titfa r-raġġi tagħha fuq ir-raħal u l-knisja, li hu xogħol ta’ Dun Pawl Gauci, iben is-Sur Ġuże Gauci, mir-raħal, li joqgħod B’Kara.

Għall-ħin ta’ nofsinhar il-korteo reġa’ ifforma ruhu lura lejn il-Każin, bil-mistednin għall-pranzu.  Pranzu li kien mill-aqwa.  Barra l-parrinijiet, kienu preżenti l-Kleru kollu tan-Naxxar, Mrs. Doublesin, il-Kaptan Mizzi,Fr. J. Galea S.J., is-sur J. Fenech u qrabatu u ħbiebu.

Għall-jumejn ta’ wara qagħad jilqa’ lil min mar biex jifraħlu.’

Ta’ min jgħid li ftit xhur wara li qaddes, Dun Karm Catania, inħatar mill-ewwel direttur spiritwali tal-każin Vittorja kif għadu sallum il-ġurnata, kif ukoll Vici-parroku tan-Naxxar fejn dam għal 30 sena sħaħ. Dun Karm kien jgħin ukoll fid-dutrina li dak iż-żmien kienet issir fiċ-ċirklu f’Misraħ ir-Rebħa. Din kien jieħu ħsiebha Dun Ġakomin Galea li sfortunatament, xi erba’ xhur wara li daħal jgħinu Dun Karm fl-1955, waqa, kiser siequ u rtira fid-Dar tal-Kleru. Dan kien mgħejjun minn tal-Leġjun ta’ Marija, il-Figli di Maria u anki l-Ġiżwiti. Iżda wara li l-ġiżwiti naqsu, Dun Karm kien għamel ftehim mas-soċjetá tal-M.U.S.E.U.M. u intbagħtu hemm. Dun Karm kien bniedem attiv ħafna fil-parroċċa u l-inizjattivi li ħa tul is-snin huma numerużi ferm. Huwa kien fost dawk il-volontarji li middew idejhom biex sar tibdil fid-dawl tal-knisja. Dan kien taħt id-direzzjoni ta’ Karmnu Bellia u kien beda fil-festa tal-Via Sagra tal-1958. Iktar tard huwa kien ġabar għall-brazzi li jżejjnu l-korsija fil-ġranet tal-festa. Huwa kien ukoll fil-kumitat tal-festa sa mit-twaqqif tiegħu u kien midħla sew tal-maħżen tal-armar.

Dun Karm ilu għal snin twal u attwalment għadu il-prokuratur tal-kappella ta’ Santa Luċija. Huwa ħa din il-kariga wara Salvu Cortis fl-1969. Matul is-snin hu ta l-kontribut tiegħu biex ikabbar il-festa u wettaq xogħol strutturali u ta’ tisbieħ f’din il-kappella. Dun Karm kien saħansitra jarma t-triq għal Santa Luċija u wara kien jitħalla għall-Milied fejn anki ntrebħu premji. Kien hawn li bdiet il-ħbiberija bejn Dun Karm u l-familja Camilleri Cauchi. Pawlu Camilleri Cauchi kien jagħllem l-arti fl-iskola primarja tan-Naxxar u peress li Dun Karm kien imur iqarar hemm kull l-ewwel ġimgħa tax-xahar, dawn saru ħbieb. Is-Saqaf ta’ Santa Luċija kien nofs tond imma kien nieqes minn kull tiżjin u Dun Karm minn dejjem xtaq jiddekorah. Huwa kien mar sab lil Pawlu Camilleri Cauchi l-iskola primarja u wara li tah il-qisien, dan min-naħa tiegħu kellem lil ħuh, Fredu  biex jagħmillu xi forom. Iż-żmien għadda u Fredu Camilleri Cauchi malajr lestihom. Fi Kristu Re, Dun Karm li suppost kellu jipparteċipa fil-korteo li kien isir mill-Furjana għall-belt minflok mar jiġbor dawk il-forom mill-Marfa. Ma’ dawn, Dun Karm kien ħa xi forom minn fuq il-pasta tal-palazz li kienu saru minn artisti taljani u ntremew u b’hekk lesta s-saqaf  bl-induratura b’kollox f’sena waħda. Ta min jgħid ukoll li fl-1969, Dun Karm u Salvu Galea (id-daqquq) kienu pperswadew li Alfred u Pawlu Camilleri Cauchi, biex jgħinu lid-dilettanti tal-karrijiet tal-karnival li kienu jaħdmu fil-każin Vittorja. Il-Karru ta’ dik is-sena kien issemma ‘Fl-Aħħar Wasalna’ u kien ġie fl-ewwel post.

Dun Karm minn dejjem kellu l-Ġimgħa l-Kbira għal qalbu. F’intervista li għamilt miegħu irrakkontali kif meta kien is-seminarju kien skappa bil-moħbi biex jiġi jara l-ewwel bandalora tas-seba’ kelmiet. Din kienet saret ġdida u kien ħallas għaliha il-każin Vittorja li dak iż-żmien kien għaddej minn burraxka u kien jinsab fil-garaxx tal-markiż. Din kienet ġiet esposta fuq l-artal tal-Madonna tal-Karmnu għall-ġudizzju tal-pubbliku u kienet intleqgħet tajjeb ħafna. Il-Ġimgħa l-Kbira kien jieħu ħsiebha Wiġi Spiteri, missier in-Nutar Spiteri, iżda meta ħalliena, ħada f’idejh Dun Karm li laħaq prokuratur tagħha fl-1973. Dun Karm ta dimensjoni ġdida lil din il-purċissjoni. Saru tliet statwi ġodda, standart vjola bir-rakkmu tad-deheb, żimarri ġodda għat-tfal u ħafna xogħol ieħor. Iżda l-iktar żewġ affarijiet magħrufa huma l-post fejn jintrefgħu il-vari tal-Ġimgħa l-kbira, mużew uniku ta’ dehen lil purċissjoni innifisha. Dan kien sar għaliex il-vari kienu jinżammu fil-maħżen tal-armar u kien qed isirilhom ħsara kbira minħabba l-umdita’. Iżda żgur li jibqa famuż għall-introduzzjoni tal-figuri bibbliċi fil-purcissjoni. Sena qabel ma’ sar prokuratur, fl-1972, kien hemm xi dilettanti li minn jeddhom ġabu madwar disa’ atturi minn kumpanija tat-teatrin minn Birkirkara bla ma qalu l-ħadd. Peress li qabel kienu joħorġu biss fanali u skrizzjonijiet in-nies malajr għoġbithom l-idea u nibet l-interess.  Is-Sena ta’ wara Dun Karm ħa ħsieb jagħmel 34 libsa fosthom Erodi, Kaifas, Barabba, Mose’ u oħrajn. Huwa bagħat għal Pawlu Camilleri Cauchi u ftiehem miegħu fuq l-għażla tal-persunaġġi. Fost oħrajn insemmu lil Ġorg Attard li kien kemmxejn samrani u għalhekk għamluh Ġuda. F’dik is-sena jiġifieri fl-1973 Dun Karm kien qabbad biex jirtukkjaw il-persunaġġi lil Wistin, Fredu, Pawlu, Michael Camilleri Cauchi u r-raġel t’oħthom. Is-Sena ta’ wara fl-1974 kienu saru 34 libsa oħra fosthom il-Prologu, Merkisedek u l-Appostli. Il-Persunaġġ ta’ San Bert ħasseb mhux ftit lil Dun Karm u għalhekk kien kellem lil wieħed Għargħuri miżżewweġ in-Naxxar u dan malajr aċċetta. Il-Persunaġġi baqgħu jiżdiedu fis-snin ta’wara.

Wieħed mill-proġetti l-kbar li daħal għalieh b’saħħtu kollha kien dak tad-damask ġdid għan-Navi. Fl-1913, il-Knisja kienet tkabbret u kienu nbnew navi ġodda. Minn dak inhar dawn qatt ma kienu jintramaw għall-granet tal-festa. L-Għada tal-festa tal-1978, numru ta’ dilettanti fosthom ċertu wieħed Victor Cachia (ix-Xiffi) kienu avviċinaw lil Dun Karm u talbuh biex jiġbor u jagħmel id-Damask. Dun Karm, għalkemm l-idea kienet togħgbu kien jaf x’jinvolvi proġett bħal dan. Huwa sab lill-Arċipriet ta’ dak iż-żmien, Dun Pawl Caruana, iżda dan ma tantx xtaq li jsir b’mod speċjali għaliex kien għad hemm id-dejn fuq l-annex li kien inbena ftit qabel wara l-knisja. Iżda wara li l-istess dilettanti baqgħu jinsistu w anke wegħdu xi flus, Dun Karm daħal għall-proġett dejjem bil-permess tal-arċipriet. Beda jiġbor il-flus u sal-Milied tal-1978 kien xtara d-drapp, il-gallun u dak li kien neċessarju. Salvu Pirotta (ta’ Luqa) kien offra li jagħmel ix-xogħol tal-ħjata b’xejn u din il-proposta kienet ta’ kuraġġ kbir għal Dun Karm. Dan kellu l-ħanut tiegħu fil-bidu ta’ Triq Santa Luċija u l-istess ħanut qabel kien jappartjeni li ħuh li kien barbier (tal-parapajs). Peress li Salvu kien daħal sewwa fiż-żmien, huwa kien jiftħu biex jgħaddi siegħa żmien kemm fil-ħjata kif ukoll ma’ min kien iżuru hemm. Sa Frar tas-sena ta’ wara Dun Karm kien ġabar il-flus kollha u fil-festa tal-1979 iġifieri f’sena d-damask kien sar u ntrama.

Fit-2 ta’ Settembru 1979 Dun Karm iċċelebra l-25 sena fis-saċerdozzju. Hekk għamel ukoll fil-5 ta’ Settembru 2004, fejn huwa ċċelebra l-50 sena tiegħu bħala saċerdot. Interessanti ngħidu li dakinhar il-banda Vittorja kienet akkumpanjatu f’korteo li beda mir-residenza tiegħu w intemm b’ċelebrazzjoni fil-parroċċa. Għal din l-okkażżjoni huwa kien ħallas minn butu iz-zoklaturi tal-irħam tal-Korsija hekk kif tixhed irħama ta’ tifkira li tinsab viċin l-antiporta prinċipali.

Illum il-ġurnata Dun Karm għandu għadu jaqdi dmiru fil-parroċċa tan-Naxxar. Għaldaqstant nifirħulu mill-qalb u nirringrazzjawh tax-xogħol siewi li għamel matul is-snin fil-komunita’ Naxxarija. Żgur li għalkemm illum daħal sew fiż-żmien huwa jibqa ta’ ispirazzjoni għal dawk ta’ madwaru b’mod speċjali għal kull min għandu għal qalbu r-raħal tan-Naxxar.

Nawgurawlu iktar snin ta’ ħidma fil-ħajja saċerdotali tiegħu u nittamaw li l-padruna għażiża tagħna żżomm idejha fuqu għal ħafna iktar u iktar żmien! Ad Multos Annos!

[1] Ħafna minn dawn id-dettalji ġew minn intervista li għamilt ma’ Dun Karm Catania fir-residenza tiegħu nhar is-Sibt 12 ta’ Lulju 2014. Nirringrazzja lis-Sur Anthony Catania talli introduċieni.

[2] Id-Djarju tan-Naxxar, Ghadd 34, IX sena, Settembru 1954. Nirringrazzja lil Paul Catania tal-kooperazzjoni.

Ixxerja Fuq Il-Midja Soċjali

Applika biex tingħaqad magħna u Tkun Membru tas-Soċjetà

Attivitajiet li jmiss

Attivitajiet u Aħbarijiet Relatati

Seduta Ġenerali 2023

Waqt is-Seduta Ġenerali Annwali li saret ilbieraħ, ġie maħtur il-Kumitat Ċentrali li ser iservi matul is-snin 2023-2025. F’dan

Aqra Iktar
Scroll to Top