Il-Festi li jiġu ċċelebrati f’kull belt jew raħal fil-gżejjer Maltin huma kolla mmotivati mill-imħabba lejn il-patrun jew il-patruna. Fin-Naxxar, sa minn żmien ilu, jiġi ċċelebrat mill-qalb it-twelid ta’ Marija hekk kif jiġi ffesteġjat ukoll fl-Isla, l-Mellieħa w ix-Xagħra t’Għawdex nhar it-8 ta’ Settembru f’jum il-Vittorja. Għalkemm il-festi llum ħadu dimensjoni oħra, xorta waħda għadhom iddominati mid-devozzjoni. Fl-1985 kien jaħbat l-għelfejn sena mit-twelid ta’ Marija w għaldaqstant il-festa kienet ġiet iċċelebrata b’mod iktar devot. Kien sar fuljett bil-kurunella li ġġib l-isem ta’ kuruna ta’ tnax il-stilla li hija poeżija mimlija tifħir lil għażiża patruna tagħna li kienet inkitbet minn Ludoviku Mifsud Tommasi. Din għada tintuża sal-llum fil-ġranet tal-festa kif ukoll fis-sibtijiet tal-Bambina li ninsabu fihom.
KURUNA TA’ TNAX-IL KEWKBA
Minsuġa
Mis-Saċerdot Ludoviku Mifsud Tommasi
LIL MARIJA BAMBINA
MEQJUMA FIL-KNISJA ARĊIMATRIĊI
U ARĊIPRETALI TAN-NAXXAR.
STEDINA
Ejja nfaħħru lil Marija
Fit-twelid imqaddes tagħha;
Kif bil-ferħ imliet id-dinja,
Aħna wkoll nifirħu magħha.
Ejja nbierku lil Marija,
U flimkien ejja nsellmulha
Biex fil-hemm tidħol għalina
B’qalbna kollha ingħidulha:
ĠAKULATORJA
O Bambina – kollok glorja,
Bħal Reġina – inberkuk
Biex tgħannina – bil-Vittorja,
Omm ħanina – nitolbuk
I
O Bambina l-iżjed ħelwa,
Int bla tebgħa ġejt maħluqa,
Inti ftaħt il-bwieb tas-sema
Minn żmien kbir lilna magħluqa.
Bint Sant’Anna u San Ġwakkin
Imnisslin mill-Patrijarki,
Id-demm tiegħek l-iżjed safi
Kellu bidu mill-Monarki.
Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.
II
Int bi grazzja tiegħek waħdek
Minn kull ħtija ġa meħlusa,
Tal-Ispirtu Santu Alla
Kif twelidt sfajt il-Għarusa.
Sa minn dejjem kont maħtura
Fost il-ħlejjaq l-ewlenija;
Mill-Missier Bintu maħbuba
Għaliex Omm minn tal-Messija.
Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.
III
Għala s-Saltna ta’ Israeli
Inti kellek l-ikbar jedd,
Bħala xitla minn ta’ David
Ġa Sultan tal-poplu elett.
Int, Marija, l-ikbar għaġeb
Minn tal-grazzja, u tan-natura,
Ogħla minnek ma tinsabx
Fost il-ħlejjaq kreatura.
Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.
IV
Dak li ħalqek, ġewwa ħdanek
Destinata biex iġġib,
L-Iben t’Alla liebes bniedem
Kellek trabbi bil-ħalib.
Fost in-nisa kollha mbierka
Om mint sirt tar-Redentur;
Li ssir Omm u tibqa’ xebba
Kellek waħdek dan l-unur.
Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.
V
Fik tkompliet edik il-barka,
Li Alla wiegħed lil Abraham:
Int neħħejt edik is-saħta,
Li ġabilna kien Adam
Int għoġobt lill-istess Alla,
Bik Hu tgħaxxaq, bik jithenna,
Lilek għolla fuq il-ħlejjaq
Lilek għamel donnok ġenna.
Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.
VI
Lilek lemaħ Isaia,
Il-profeti lilek ħabbru;
Il-ġmiel tiegħek mal-ġmiel t’Ibnek
Kollha bierkku, kollha kabbru.
Xbieha tiegħek kien it-Tempju,
Illi bena Salamun;
Kif kien dak għamara t’Alla;
Għamara isbaħ kellek tkun.
Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.
VII
Int il-Warda minn ta’ Ġeriko,
Int il-Ġilju tal-widien,
Int il-Palma minn ta’ Kades,
L-Ort imdawwar kullimkien.
Int il-Għajn issiġilata,
Int il-Bieb minn tal-Orjent,
Lilek fissru n-Nisa mqaddsa
Tal-imgħoddi Testament
Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.
VIII
Int maħtura bħala ix-Xemx,
Bħala l-Qamar kollok ġmiel,
Int qawwija bħal Eżerċitu,
Li ebda għadu qatt ma miel.
Int il-Glorja minn tal-Knisja,
Int it-Tarka tal-Insara;
Int lis-Saltna tal-Abbissi
Kont kaġun tal-ikbar ħsara.
Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.
IX
Biex ix-xibka minn tal-għadu
Għala dejjem tkun meqruda,
‘Il Sansun int ġibt mis-Sema
L-Iljun qawwi minn ta’ Ġuda.
Bħala Kewkba minn tas-sebħ
Inti dhert liebsa bid-dija;
Int hennejt in-nies tad-dinja;
Minn żmien kbir b’leħqa mbikkija
Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.
X
Qalb id-dlam ikrah tal-mewt
Aħna konna midfunin,
Għax bil-ħtija ta’ missierna
Ġejna lkoll aħna mtebbgħin.
Inti waħdek ġibt Vittorja
Minn Luċifru li jassarna;
Int għaffiġt ir-ras faħxija
Ta’ dal-għadu, li ħaqarna.
Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.
XI
L-infidili misilmin
Minn dil-gżira int keċċejt,
Bit-trijonf minn tal-Vittorja
Int imħabbtek lilna wrejt
Teżoriera minn tal-grazzji
Lilek għamel il-kbir Alla;
Fuq il-ħlejjaq tiegħu kollha
Lilek għolla, Lilek talla’.
Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria.
XII
Omm xurtjata ta’ Ġesu’,
Int ukoll Omm vera tagħna,
Meta lilek aħna nsejħu,
Int ilkoll tista’ tismagħna
Meta Lilek, Omm ħanina,
Kontra l-għadu aħna nsieħu
Biex tagħnnina bil-Vittorja,
Biex fil-Ġenna lilna tieħu.
Ġak: O Bambina eċċ. Pater, Ave, Gloria