Fuq inizjattiva tad-Dilettanti tan-Nar fi ħdan l-Għaqda tagħna, nhar it-Tlieta 17 t’Awwissu ser infakkru, ln-Naxxarin Vittmi tan-Nar tul is-snin.
biex tifkiriethom ma tintesiex
Din ser isir quddiem is-sede tas-Soċjetà, hekk kif ser tinkixef lapida kommemorattiva li ser tfakkar dawn il-vittmi Naxxarin fis-7:30 ta’ filgħaxija.
Propju nhar it-Tlieta stess jaħbat il-50 anniversarju mit-traġedja tan-nar li seħħet it-Tlieta 17 t’Awwissu 1971 fejn tilfu ħajjithom Frans Scicluna ‘il-Ħal Luqi’, Costantino Azzopardi ‘tal-Falz’ u Peter Bonavia ‘tal-Bonu’. Dawn kienu membri tas-Soċjetà Vittorja u kienu ukoll jaħdmu n-nar f’isem is-Soċjetà.
Minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija inħeġġu lil kulħadd sabiex isegwi t-trażmissjoni minn fuq din il-paġna u biex nhar it-Tlieta tittella’ l-Bandiera Naxxarija mal-arblu.
Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.
Fir-ritratt: Inkwatru ta’ Marija Bambina li kien jinsab fil-kamra tan-nar tal-Każin Vittorja u li kien instab qalb it-tifrik tat-traġedja tal-15 ta’ Lulju 1928. Illum jinsab merfugħ b’għożża f’waħda mis-swali prinċipali tas-Soċjetà tagħna.
