Illum it-Tnejn l-1 ta’ Lulju, 2019 jaħbat ir-raba’ anniversarju mill-mewt tal-President Emeritus tas-Soċjetà, is-sur Anthony Catania proprju nhar l-1 ta’ Lulju, 2015.
Is-Sur Catania serva fil-kariga ta’ President tas-Soċjetà għal 39 sena sħaħ u l-kontribut tiegħu wassal biex is-soċjetà u l-banda jingħataw identità ġdida. Hekk kif din is-sena, il-Banda Vittorja li kienet tant għall-qalb Catania tiċċelebra għeluq it-30 sena mit-twaqqif tagħha, tajjeb li wieħed jiftakar li fl-1989, il-banda twaqqfet taħt il-Presidenza tiegħu. Meta fl-2006, wera x-xewqa li jieqaf minn President, hu baqa’ jkun minn tal-ewwel biex jagħti pariri siewja għall-ġid tas-Soċjetà.
Żgur li l-akbar wirt li ta’ ħalla lil din is-soċjeta’ kienet il-Cantata, Bi Twelidek Rebbaħtna, fost affarijiet oħra. Ta’ min isemmi li s-Sur Catania kien ġie rikonoxxut bl-unur ta’ Ġieħ in-Naxxar għas-servizz u l-kontribut li ta lir-raħal tan-Naxxar u lill-poplu tiegħu.
Is-Soċjetà bħal-lum tfakkar il-memorja tas-Sur Anthony Catania, pilastru u leġġenda fl-istorja ta’ din is-Soċjetà.
Agħtih O Mulej, Il-Mistrieħ ta’ dejjem.
