Din l-għodwa tat-28 ta’ Marzu, mqanqla mill-għadab inviżibbli li bħalissa jiċċirkondana, taħbat proprju l-għaxar sena anniversarju mill-mewt tal-mibki kompożitur Naxxari Ġużeppi Fenech. Figura li kull min għandu għal qalbu l-kultura mużikali Naxxarija ma jistax ħlief li japprezza ħidmietu u jiftakar fih b’ammirazzjoni.
Joseph Fenech twieled nhar il-21 ta’ Ottubru, 1917 minn Benedetto Fenech u Giovanna, bint l-artist ta’ kalibru w kompożitur Vittorio Scerri li żgur m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni fost in-Naxxarin. Kien hu li żejjen b’reqqa l-iskudetti tat-trofej prinċipali tal-festa u kkompona wħud mir-responsorji tal-Ġimgħa Mqaddsa fost ħafna iktar. Għalhekk Ġużeppi twieled f’familja li kienet mogħnija qatigħ bi tradizzjoni mużikali li tmur lura għal ġenerazzjonijiet. Kien proprju nannuh Vitor li nibbet fih l-imħabba lejn it-tagħlim fl-arti mużikali minn età tenera ta’ erba’ snin. Huwa minn ċkunitu kellu talent notevoli tant li hekk kif jixhdu r-reġistri tal-iskola tas-subien tan-Naxxar, huwa kien irtirat ta’ tmien snin sabiex jibda jaħdem ta’ organista. Huwa malajr għamel isem għalih fil-qasam mużikali u fl-1940 kien l-organista tal-Knisja Parrokkjali tal-Mosta. Mument fejn kien għodda b’waħda seħħ fis-sena 1943 meta balla tal-għadu laqtet il-koppla tal-knisja waqt li kien qed idoqq l-orgni waqt l-Ora Santa. Episodju li llum hu magħruf sew. Kien fl-1967 li laħaq Maestro di Capella tan-Naxxar fuq suġġeriment tal-predeċessur tiegħu, Mro. P. Nani u dam f’din il-kariga sal-1971. Kienu bosta s-suċċessi u l-kisbiet fil-karriera prolifika tiegħu, biss żgur li wieħed irid isemmi l-kompożizzjonijiet numerevoli ta’ mużika sagra li għadna nitpaxxew bihom fil-jiem tal-festa speċjalment il-Messa Sancte Joseph, l-Antifona u l-Ave Maria. Kien proprju għalhekk li b’ apprezzament u ammirazzjoni għal dak kollu li wettaq ġie rikonoxxut b’ “Ġieħ in-Naxxar” fl-1997.

Naturalment, is-surmast Ġużeppi Fenech kellu rabta intima mas-Soċjetà tagħna mhux biss għaliex kien joqod tefa’ ta’ ġebla l-bod mis-sede tal-istess Soċjetà. Huwa kien membru fil-Kumitat Ċentrali sa mil-1956. Ħaddan diversi karigi importanti fosthom Viċi-President, Awditur kif ukoll Assistant Segretarju. Tajjeb ngħidu li meta nhar id-19 ta’ Settembru tal-1998, kien inawgurat ufficjalment l-arkivju tas-Soċjetà, is-surmast Fenech kien ippreżenta l-“Ave Maria” tiegħu li flimkien mas-silta, “Shoulder to Shoulder” tal-fundatur Giuseppe Stivala kienu kif xieraq l-ewwel kompożizzjonijiet li tpoġġew fih. Dan kien biss il-bidu, għaliex illum il-ġurnata l-banda tagħna kburija li tippossjedi numru mdaqqas ta’ xogħolijiet li kien jgħaddi b’korteżija minn żmien għall-ieħor. Kien naturali għalhekk li fl-2001 inħatar uffiċjalment l-ewwel Surmast Onorarju tal-Banda Vittorja, kariga li ħaddan b’żelu sal-aħħar. Kariga, li illum iħaddan ibnu Victor.
Is-Surmast Fenech jibqa’ bħall-familjari tiegħu qablu, pilastru fl-istorja mużikali Naxxarija, hekk kif tibqa’ magħrufa d-dedikazzjoni u mħabbtu lejn raħal twelidu kull darba li jidwu hienja l-melodiji raffinati tiegħu. Għalhekk ma setax jonqos li meta l-intrata tas-Soċjetà ġiet iddedikata lill-ulied denji Naxxarin, is-Surmast Ġużeppi Fenech kien fost dawk magħzula biex xbihethom titpoġġa fiha.
Huwa ħalla din id-dinja nhar Ħadd il-Palm tas-sena, 2010.
Artiklu miktub mis-Sur Mark Mangani.