It-Tielet Sibt, ġimgħa eqreb għal-festa ta’ Marija Bambina, u bħal ma sar f’dawn l-aħħar żewġ sibtijiet qegħdin niktbu naqra informazzjoni dwar il-Festa u l-preparazzjoni għaliha.
Dun Anton Sciberras, qasis Naxxari u poeta’, kien iżomm djarju dwar dak kollhu li kien jiġri madwaru. Pubblikazzjoni ta dan id-djarju qed issir biċċa biċċa fil-ktieb tal-festa li s-soċjeta’ tagħna toħroġ għaż-żmien il-festa. Dun Anton Sciberras li il-laqam tal-familja kien ‘Ix-Xallu’, huwa ukoll il- kittieb tal- Kantata “Bi Twelidek Rebbaħtna” li ser terġa’ tindaqq nhar l-Erbgħa, 27ta’ Awwissu fit-20:00, ġewwa il-Knisja Parrokjali,Arċipretali, Arċimatriċi tan-Naxxar.
FESTA 1954
Din kienet l-ewwel Vitorja tal-Arċipriet il-ġdid Dun Pawl Said. Il-festa bħas-soltu marret tajjeb ħafna, ma nqala l-ebda incident, u ġiet fuq festa oħra fuil-qrib, billi l-Ħadd ta’ qabel kellna wkoll il-festa tal-ewwel quddiesa solenni ta’ Dun Karm Catania, u dakinhar stess l- Inawgurazzjoni tal-planċier tal-banda l-ġdid f’għeluq is-70 sena mit-twaqqif tagħha.
In-nota dominanti fost kollox kienet li din il-festa tal-Vitorja kienet dik tas-SENA MARJANA, u li forsi, għalkemm ħafna parroċċi oħra tal-Madonna għamlu kapital minn hekk, aħna forsi bqajna xi ftit lura bħas-soltu, u ma saritx b’dik is-solenitá li kellha tkun straordinarja f’din is-sena.
FIl-Ġranet tan-Novena:
Mill-Ħadd, 29 t’Awwissu sas-7 ta’ Settembru, kienu ġranet tan-Novena Mqaddsa.Din is-sena ppriedka l-W.R.P. Markolin Camilleri, li għamel priedki sbieħ ħafna. Ta’ kull fil-għaxija, bħas-soltu, kienet issir il-Kumpieta cantata, priedka, Kurunella,Salve, Litanija, Antifona u barka Sagramentali.
L-aħħar tlitt ijiem tat-tridu il-kant sar bil-mużika tal-Maestro di Cappella Paolo Nani. L-aħħar priedka saret ukoll fuq l-Assedju kif ilha drawwa minn dejjem. Fil-għodu saret il-quddiesa kantata bil-ministri.
Lejliet Lejlietha
Sar ukoll marċ ieħor mill-istess banda tar-raħal minn fejn San Gwann għall-pjazza. It-toroq u l-pjazza kienu wkoll imdawlin u mixgħula bħas-snin ta’ qabel.
Lejliet il-Festa
Fis-7.30 a.m. ħarġet il-Quddiesa tan-Novena, hekk imsejħa tat-Te Deum, u qaddisha Dun Anton Xiberras li jinsab San Ġiljan. Għamlu Ministri Dun Ġużepp Sammut u Dun Karm Catania. Wara l-Quddiesa tkanta t-Te Deum solenni mmexxi mis-Surmast Ġużeppi Fenech. Wara l-quddiesa beda l-marċ, imma beda ħażin, billi ġara inċident, meta fil-pjazza,trakk tal-luminata tajjar lil Indri’ tal-Prinċep (Galea) u kisirlu saqajh, u hekk kellu jittieħed malajr l-isptar wara li dewwewh il-Berġa tar-raħal. Il-marċ sar is-soltu, u daħal id-dar tal- Arċipriet, għall-ewwel darba. Is-segretarju tal-Każin għamel diskors qasir li għalih wieġeb l-Arċipriet. Kollox sar kif kien isir is-soltu. Il-marċ għadda minn Main Street, Mdina Road, għat-triq il-Ġdida, niżel sa fejn San Ġwann fejn kien ukoll mistieden għand Ċfulloq, reġa’ tela’minn Triq Santa Luċija fejn għadda għand Karmnu Muscat, il-Każin Vittorja u fl-aħħar wara dawra mal-pjazza, spiċċa mill-ġdid il-Każin.
It-Trażlazzjoni
Fil-5.30 p.m. saret it-trażlazzjoni tar-Relikwa, li mindu hawn il-Ġiżwiti qegħda ssir imponenti u li żgur ma ssibx bħala fil-festi, titulati. Insibu mal-150 ruh li jieħdu sehem fiha. Iffunzjona l-W.R. Arċipriet Dun Ġużepp Said, u għamlu ministry Dun Ġużepp Sammut u Dun Anton Xiberras. Quddiem net is-Salib tal-Kleru, in-Novizzi Ġiżwiti, xi 80 ruh, bil-patrijiet magħhom, l-abbatini u l-Qassisin tal-Parroċċa u kappisti u patrijiet barranin. Wara l-Innu u l- Antifona, sari l-Għasar bil-mużika, Salve, Litanija u Barka Sagramentali.Fit-8.00 p.m. il-Banda ċittadina ‘La Vallette’ għamlet marc u wara programm.Hawnhekk l-ammiraturi tan-Naxxar setgħu jaraw mill-ġdid lis-Surmast Ġużeppi Camilleri, ex-Maestro di Cappella,jidderieġi l-banda. Marċijiet oħra saru mill-banda ‘Nicolo’ Isouard’ tal-Miosta u ‘Pinto’ ta’ Ħal-Qormi.WAra wkoll għamlu programmi ħdejn tal-Karmnu u fi Triq Santa Luċija. Fil-għaxija logħob tan-nar sabiħ maħdum minn Mikiel Balzan. Pellegrinaġġi kbar waslu wkoll f’din il-lejla minn ħafna nħawi tal-gżira.
Nhar il-Festa
It-8 ta’ Settembru din is-sena reġa sebaħ sabiħ ħafna. Minn kmieni daqqew il-qniepen għall-Matutin solenni li sar fil-5.30 a.m. bir-responsorji bil-mużika. Fid-9.00 a.m. Kant ta’ Terza u wara Quddiesa Kantata solenni bil-mużika. Qaddes in-Novell Saċerdot Dun Karm Catania, u Dun Anton Xiberras għamel Djaknu u Dun Ġużepp Sammut Suddjaknu. Wara l-Vanġelu l-W.R. Patri Salv. Portelli tal-Agostinjani minn Ħal-Lija għamel il-paniġirku sabiħ ħafna. Wara l-quddiesa,Te Deum b’tifkira tar-rebħa tal-Assedju l-Is-saċerdoti tar-raħal kienu l-mistiedna għall-pranzu għand l-Arċipriet.
Fl-4.30 p.m. Il-Vespri, Kumpieta u purċissjoni bl-istatwa tal-Bambina,akkompanjata bil-
kant tat-tfal u bil-banda tar-raħal, Antifona, u barka sagramentali. Waqt it-tqarbin tqassmu santi tal-Vitorja. Lejliet il-festa kien hemm konfessuri barranin.
