Wara s-suċċess li intlaħaq f’dawn l-aħħar sentejn, hekk kif l-iskola tal-mużika għamlet rifforma sħiħa, illum qegħdin nipreżentaw it-8 għalliem tal-iSkola tal-Mużika “George Vella”, Andrea Cassar. Andrea Cassar ser ikun qiegħed jieħu ħsieb speċifikament is-sezzjoni tal-flawti, hekk kif matul l-aħħar applikazzjoniejiet li għadhom miftuħin bħalissa, deher biċ-ar li l-iskola għandha bżonn terġa tinveżti ftit oħra u tkabbar it-tim ta għalliema professjonali fi ħdan l-iskola tagħha.
Il-Kumitat, jixtieq jawgrua kull suċċess li Andrea f’din il-kariga ġdida tiegħu u jixtieqlu kull suċċess fi ħdan l-għaqda u l-iskola tal-mużika tagħna.
Ftit informazzjoni dwar Andrea
Andrea, twieled fl-1996 ġewwa Ħal Lija. Beda l-edukazzjoni mużikali tiegħu ġewwa l-Għaqda Mużikali San Pio X ta’ Ħal Lija taħt id-direzzjoni ta’ Mro.Reno Busuttil fejn hemmhekk beda jitgħallem il-flawt, u aktar tard l-ottavin, fl-eta’ ta’ ħames snin, filwaqt li ħa l-edukazzjoni akkademika tiegħu fl-iskola Primarja ta’ Ħal Lija, l-iskola Saint Michael ta’ Ħal Qormi, l-Junior College u issa ġewwa l-Universita’ ta’ Malta fejn din is-sena temm il-kors għal għalliem tal-primarja. Minn Settembru li ġej se jkun fl-iskola primarja ta’ Santa Venera bħala għalliem tas-Sitt Sena.
Matul is-snin huwa tgħallem taħt diversi surmastrijiet fosthom Mro.Silvio Zammit, Mro.Manoel Pirotta u Mro.Reno Busuttil li fih mhux biss sab tutur abbli iżda wkoll missier mużikali. Hu kompla l-istudji tiegħu fejn ġab id-diplomi dip.ABRSM, ALCM, LLCM u FLCM.
Andrea, barra li sar leader tal-banda u solista tas-soċjeta’ beda jdoqq ukoll ma’ għadd ta’ baned f’Malta u Għawdex, mal-Guest Musicians Ensemble fi ħdan il-banda tal-Korp tal-Puluzija, mat-Tikka Banda kif ukoll ma’ orkestri bħall-Okrestra tal-Junior College u l-Cappella Diacono li tagħha huwa flawtista residenti.
Fl-2017, Andrea Cassar ġie maħtur Surmast Direttur tal-Kor u Orkestra Tabor ġewwa l-parroċċa ta’ Ħal Lija fejn beda jikkomponi diversi quddisiet u antifoni għad-diversi ħtiġijiet liturġiċi. Fost dawn ix-xogħolijiet insemmu ‘Quddies il-Ferħ’ u l-antifona ‘Imqaddes Alwiġi’. Fl-istess sena, nħatar ukoll bħala għalliem tat-teorija ġewwa l-Għaqda Muzikali San Ġużepp tal-Għaxaq, fl-Għaqda Mużikali La Vittoria tal-Mellieħa, għalliem tat-teorija fl-iskola ‘The Lodge’ f’Ħal Qormi u assistent surmast tal-Banda San Pio X ta’ Ħal Lija.
F’dawn l-aħħar sentejn, Andrea, flimkien mal-kollega tiegħu Ayrton Azzopardi, ħadem ukoll fuq it-teżi tiegħu dwar kif il-każini tal-banda jistgħu jgħinu lill-edukazzjoni fl-iskejjel primarji; Understanding the link between Primary Schools and Local Band Clubs. Filfatt, fuq dan l-istess binarju, hu ġie kkummissjonat proġett li fl-okkazzjoni tal-V18 fejn flimkien mat-Tikka Banda dar l-iskejjel ta’ Malta u Għawdex biex jippromwovi l-baned Maltin u l-letteratura Maltija bi skript oriġinali u divertenti. Il-proġett kien jismu ĠAĦAN18.