Illum jaħbat propju l-aħħar Sibt tal-Festa, b’hekk jaslu fit-tmiemhom is-sibtijiet ta preparazzjoni għal-Festa 2015. Kif wegħdnikhom is-Sibt li għadda f’dan l-artiklu ser nitrattaw l-opri ta D’Arena li aħna imkabbrin biha in-Naxxarin, l-inkwadru titulari tal-paroċċa għażiża tagħna.
Kitba ta Kevin Sciberras
Il-kwadru titular tal-Knisja Arċimatriċi u Arċipretali tan-Naxxar, li juri t-twelid tal-Verġni Marija, huwa attribwit lill-pittur magħruf Ġużeppi d’Arena (c. 1643-1719). Iddatata bejn wieħed u ieħor lejn is-sena 1705, din il-pittura fiha arti mill-isbaħ sew mill-lat tekniku, kif ukoll fejn tidħol l-għażla tal-kuluri u d-dettall. Il-pittura għandha stil influwenzat ħafna mix-xogħolijiet barokki ta’ Mattia Preti, b’mod li ħafna kritiċi tal-arti jgħidulna li f’dal-kwadru fin-Naxxar intuża stil ferm qabel pitturi oħra simili li saru ħafna iktar tard.
Għalkemm ġieli kien maħsub li D’Arena rreplika jew ikkopja xogħolijiet ta’ Mattia Preti, il-verita’ turi mod ieħor. Minkejja dan, xi xogħolijiet tiegħu jagħmlu riferenzi partikolari għal oħrajn ta’ Preti, u mhux l-ewwel darba li d’Arena jadatta figuri mill-pitturi tal-imgħallem tiegħu u jpoġġihom fix-xogħolijiet li jkun qed jagħmel.
Fil-każ tal-pittura fin-Naxxar, l-influwenza ta’ Preti narawha fil-mod kif D’Arena jpitter fin-naħa t’isfel tal-kwadru lill-grupp ta’ servjenti nisa li b’mod li qegħdin kollha qrib xulxin, qed jgħinu u jassistu lill-majjistra biex taħsel lit-tarbija. Il-qagħda monumentali tagħhom, l-espressjoni ta’ wiċċhom u l-mod kif inhuma lebsin, kollha jfakkruna fil-mod tipiku ta’ kif Mattia Preti pitter diversi persunaġġi nisa. It-tieqa fis-saqaf li semmejna qabel, isservi wkoll biex id-dawl Divin jiddi fuq it-tarbija u jdawwal il-madwar.
Minn naħa l-oħra, l-qtajja ta’ anġli u putti li naraw jittajru minn bejn d-drappijiet u tieqa fis-saqaf n-naħa ta’ fuq tal-kwadru, insibuhom ukoll iktar tard, f’pitturi ta’ artist ieħor magħruf – Francesco Zahra (1710 – 1773). Mill-lat ta’ komposizzjoni, l-pittura hija mqassma b’simettrija għaqlija bejn il-parti li qed turi lill-Marija Bambina mdawra bis-servjenti u dik li fl-isfond li turi lil Sant’Anna, San Ġwakkin u persuni oħra wara t-twelid tal-Madonna.
M’aħniex ċerti jekk dokument li nstab fl-arkivji tal-parroċċa, li juri li fis-sena 1700 sar ħlas ta’ 150 skud, li għal dak inħar kienet somma kbira ħafna għal kummissjoni ta’ pittura, jirreferix għal kwadru titulari. Esperti f’dan il-qasam jaħsbu li probabbilment il-kwadru li għaliħ inħarġu dawn il-flus huwagfil-fatt dak tat-twelid tal-Bambina mpitter minn D’Arena.