Waqt il-laqgħa Ġenerali Annwali li saret dalgħodu, saru n-nominazzjonijiet għall-Kumitat il-ġdid li ser iservi matul is-snin 2019-2021.
F’ dan il-Kumitat qed naraw xejn anqas minn tliet uċuħ ġodda li għalkemm sabu posthom għall-ewwel darba fil-Kumitat ilhom snin jagħtu sehemhom fis-socjetà. Apparti min hekk, wara d-deċiżjoni iebsa li ħa s-Segretarju preċedenti, is-Sur Mark Mangani, dik li jieqaf mil-pożizzjoni tiegħu minħabba raġunijiet personali, Mark għad fadallu ħafna x’joffri lis-soċjetà u dan ser ikun qed jagħmlu xorta minn barra l-Kumitat. Daniel Farrugia, li kien diġà membri tal-kumitat u li għamel riforma mill-aqwa fil-Kummissjoni Żgħażagħ f’dawn l-aħħar snin li kien inkarigat mill-kummissjoni daħal għal dan l-irwol importanti ħafna għas-soċjetà.
Wara ħafna snin ta’ ħidma fil-kumitat, Vince Debono, Raymond Borg, Jurgen Attard, Clinton Galea u Christian Bianchi ħassew li kien wasal iż-żmien li jċedu posthom għaż-żgħażagħ ġodda biex imexxu filwaqt li wiegħdu l-għajnuna kompleta tagħhom lil dan il-Kumitat żagħżugħ li l-età medja hija ta’ 35 sena, bl-aktar membru żagħżugħ, Ayrton Azzopardi, għandu 22 sena filwaqt li l-aktar membru anzjan huwa proprju il-President tas-soċjetà, l-Onorevoli Ministru Dr. Michael Farrugia, li l-età tiegħu hija ta’ 61 sena.
Din żgur turi li s-soċjetà tagħna hija waħda ħajja u li għadha toffri żgħażagħ ta’ valur soċjali, mużikali u kulturali u ta’ dan nafuh lill-membri tal-kumitat ta’ qabel li dejjem ħadu ħsieb li jiġu mrawma żgħażagħ biex ikomplu jiktbu l-istorja tas-soċjetà tagħna, li minn dejjem kienet waħda ta’ unur.
Fil-jiem li ġejjin, wara li jiltaqa’ għal-ewwel darba l-kumitat l-ġdid, jiġu imqassma l-irwoli hekk kif ikun l-aħjar għas-soċjetà.
Nerġgħu nieħdu l-opportunità biex minn qalbna nirringrazzjaw lill-Vince Debono, Mark Mangani, Raymond Borg, Jurgen Attard, Christian Bianchi u Clinton Galea tas-snin ta’ servizz mill-qalb li għamlu fil-kumitat u nifirħu lis-Sur Daniel Farrugia tal-irwol il-ġdid tiegħu kif ukoll lil Olvin Attard li reġa’ ngħaqad fil-kumitat, lil John Paul Muscat, lil Ayrton Azzopardi u lil Matthew Camilleri li żgur ser ikunu qed jagħtu sehemhom mill-qalb għall-ewwel darba fil-Kumitat.
Awguri mill-ġdid.
#30senatamużika