Illum huwa l-bidu tal-isbaħ xahar tas-sena – ix-xahar ta’ Settembru. Dan il-jum issa sar marbut sew mal-attività tal-Festa Tfal li torganizza s-soċjetà tagħna. Tajjeb li ngħidu li s-soċjetà tagħna kienet il-pijuniera biex ħolqot din l-attività hekk sabiħa u popolari mat-tfal, 4 snin ilu fil-festi ċentinarji, fejn sena wara sena dejjem kienet ta’ suċċess kbir.
Huwa ta’ sodisfazzjon u unur kbir għalina li sena wara sena ammont kbir ta’ tfal u ġenituri jissieħbu magħna għal din l-attività. Minkejja li l-attività tkun tikkonsisti biss minn marċ qasir u purċissjoni bl-istatwa ż-żgħira ta’ Marija Bambina matul it-Triq ta’ Santa Luċija, xorta waħda t-tfal jiġu bi ħġarhom u jikkreaw atmosfera liema bħala. Verament li l-istatwa bi xbieha żgħira ta’ Marija Bambina – xogħol l-artist Għawdxi Adonai Camilleri Cauchi – saret l-għaxqa tan-Naxxarin u serqet il-qlub mill-ewwel darba li ġiet fostna.

Din l-attività kif jaf kulħadd, sfortunatament ma setgħetx issir din is-sena. Minkejja dan, xorta waħda ħejjejna programm li ser ikun imxandar illejla direttament fuq il-Facebook Page tas-soċjetà, sabiex inkomplu nidħlu fl-atmosfera tal-festa. Dan ser ikun jikkonsisti minn:
- Programm ta’ crafts għat-tfal
- Ħsieb reliġjuż fuq il-Bambina għat-tfal u l-adoloxxenti
- Festa Tfal – Il-ħsieb ta’ wara din il-festa u tgħarif dwar din l-istatwa artistika
- Filmat – Festa Tfal matul dawn l-aħħar snin