Lejlit il-festa – ġurnata importanti u serja li tkompli ddaħħalna fl-ispiritwalità tal-festa f’ġieħ Ommna Marija Bambina. Dan għaliex bħal-lum, ikollna d-demostrazzjoni bl-istatwa grazzjuża ta’ Marija Bambina – xogħol mill-isbaħ tal-istatwarju Michael Camilleri Cauchi, bi żgraffir u nduratura ta’ Jason Farrugia u b’pedestall li huwa replika leali tal-pedestall l-antik tal-istatwa titulari u maħdum u indurat mill-artist Naxxari John Muscat.

Tajjeb li wieħed ifakkar, li meta saret din l-istatwa, lura fl-1991 f’għeluq il-75 sena mit-twaqqif tas-soċjetà, il-kritika li ffaċċjajna dak iż-żmien, minn nies Naxxarin stess, kienet waħda kbira. Kritika li qatt ma ddgħajfitna, anzi mlietna b’iktar kuraġġ fis-snin ta’ wara. Issa l-istorja nbidlet u dak li qabel kien ħażin issa sar tajjeb. Ta’ dan għalhekk inħossuna ferm kburin li għal darb’oħra konna pijunieri u konna ta’ eżempju għal ħaddieħor fir-raħal tan-Naxxar.
Sfortunatament kieku illum il-Banda Vittorja tkun qed tati s-sehem tagħha f’din il-ġurnata hekk serja. Tibda b’marċ qasir fl-inħawi ta’ Triq Leli Falzon u l-akwati ta’ wara l-Knisja sal-pjazza. Wara li tasal f’Misraħ ir-Rebħa, tingħaqad max-xbieha artistika tal-Bambina u tkompli b’demostrazzjoni sal-każin.
Bħalma tafu llum inkompli bis-sensiela ta’ programmi ‘Festa Virtwali 2020’ fejn ser ikollna programm ferm interessanti fuq in-Naxxar u kif ukoll fuq il-mibki ex-President Anthony Catania. Din hija l-iskeda tal-programm tal-lejla li jibda fil-5:00 p.m.:
- Programm ta’ Innijiet Marjani rrekordjati mill-Banda Vittorja
- Diskussjoni dwar l-istorja tar-raħal tan-Naxxar, niesu u snajja, ma’ storiċi Naxxarin
- Tagħrif u diskussjoni dwar Anthony Catania, missier il-Banda Vittorja
- Filmat b’siltiet minn waqt id-demostrazzjoni li ssir bil-Banda Vittorja matul is-snin