Wara sentejn ta’ pandemija, il-Banda Vittorja ser tkun qed terġa tallegrana b’marċi brijużi madwar it-toroq tar-raħal għall-festa ta’ din is-sena. Fil-festa, il-banda tkun impenjata b’xejn inqas minn 4 marċi.
Nhar il-Ħadd 4 ta’ Settembru (l-Ewwel Tridu), fit-8:30 p.m. il-Banda Vittorja tagħmel il-Marċ taż-Żgħażagħ. Dan jibda minn Triq l-Għenieq (ħdejn il-Vascas) u jkompli għal Triq il-Greċja, Triq il-Missjunarji, Triq il-Maħluġ, Triq il-Qoton, Triq l-Imraden, Triq l-Imħalla, Triq il-Musbieħ, għal-Vjal il-21 ta’ Settembru, Triq Żenqa, Triq Santa Luċija u jintemm f’Misraħ ir-Rebħa. Il-marċ jintemm għall-ħabta tal-11:30 p.m. fejn wara jkun hemm il-ħruq tan-nar tal-art.
Nhar it-Tlieta 6 ta’ Settembru (l-Aħħar Tridu), fid-9:00 p.m. il-Banda Vittorja tagħmel il-Marċ il-Kbir. Dan jibda minn Triq San Ġwann u jkompli fi Triq Santa Luċija u jintemm f’Misraħ ir-Rebħa. Il-marċ jintemm f’nofs il-lejl fejn wara jkun hemm il-ħruq tan-nar tal-art.
Nhar l-Erbgħa 7 ta’ Settembru (Lejliet il-Festa), fis-7:30 p.m. il-Banda Vittorja tagħmel il-Marċ tad-Dimostrazzjoni. Dan jibda minn Triq is-Sejjieħ, Triq Leli Falzon, Triq Ġużeppi Stivala, Triq il-Kbira sa Misraħ ir-Rebħa. Fit-8:15 p.m. il-banda tasal f’Mistaħ ir-Rebħa fejn tingħaqad max-xbieha ta’ Marija Bambina u tipprosegwi lejn Vjal il-21 ta’ Settembru, Triq Żenqa u tintemm fi Triq Santa Luċija għall-ħabta tal-10:30 p.m.
Nhar il-Ħamis 8 ta’ Settembru (Nhar il-Festa), f’nofsinhar il-Banda Vittorja tagħmel il-Marċ ta’ Filgħodu. Dan jibda minn quddiem is-sede tas-soċjetà fi Triq Santa Luċija u jipproċedi fi Triq l-Ifran, Vjal il-21 ta’ Settembru, Vjal il-Labour, Misraħ ir-Rebħa u jintemm fi Triq Santa Luċija għall-ħabta tat-3:00 p.m.
Il-Banda Vittorja dejjem tkun taħt id-direzzjoni mużikali tas-Surmast Direttur tagħha, Roderick Bugeja.
