Waqt is-Seduta Ġenerali Annwali li saret ilbieraħ, ġie maħtur il-Kumitat Ċentrali li ser iservi matul is-snin 2023-2025. F’dan il-kumitat qed naraw kontinwità ma’ dak preżenti hekk kif l-istess membri reġgħu tefgħu n-nomina tagħhom, bin-nuqqas biss ta’ Kurt Grech li għażel li ma jerġax jitfa n-nomina tiegħu. Minn hawnekk nirringrazzjawh tax-xogħol li għamel fil-passat. Għalekk issa l-Kumitat qed jerġa’ ikun iffurmat minn 13-il membru kif oriġinarjament kien, peress li sentejn ilu kienet għaddiet mozzjoni biex għal dawn is-sentejn jiġu aċċettati n-nominazzjoni kollha u l-Kumitat jiżdied b’membru iktar.
Fil-jiem li ġejjin, wara li jiltaqa’ għall-ewwel darba l-kumitat, jiġu mqassma l-irwoli hekk kif ikun l-aħjar għas-soċjetà.
Waqt l-istess seduta, ġiet approvata mozzjoni biex id-Dilettanti tan-Nar fi ħdan is-soċjetà jkollhom sotto-kumitat li jirrapreżentahom u li jieħu ħsieb il-programm tal-ħruq tan-nar kif ukoll il-ġbir ta’ fondi. B’din il-mozzjoni, is-soċjetà ser tkun qiegħda tirrikonoxxi lid-Dilettanti tan-Nar b’mod uffiċjali fl-istatut tagħha.
Is-seduta bdiet b’talba u riflessjoni mid-Direttur Spiritwali, il-Kan. Dun David Gauci, u kompliet bl-approvazzjoni tar-rapport amministrattiv u dak finanzjarju. Ġie ppreżentat ukoll il-proġett tal-bottegin fejn intwera interess u entużjażmu mill-membri. Is-Segretarju fiehem ukoll li dan il-proġett ser ikun ta’ piż finanzjarju kbir fuq is-soċjetà.
