Mro. Gużeppi Stivala

Mro. Guzeppi StivalaMro. Ġużeppi Stivala (1897-1950). Mexxa l-Banda mill-1936 sal-1939 u mill-1945 sal-1950

Is-Surmast Ġużeppi Stivala twieled in-Naxxar fl-1897 u minn ċkunitu ħass is-sejħa mużikali. Meta kien għadu żgħażugħ daħal mal-Banda La Vallette u kien jifforma parti mill-Banda tal-R.M.A. u kien jgħallem fl-iskola militari. Beda l-karriera tiegħu bħala Surmast mal-Banda Melita ta’ Tuneż. Meta reġa rritorna lura Malta sab ruħu magħżul Surmast ta’ diversi baned Maltin u Għawdxin. Wara l-mewt ta’ Surmast Mallia l-Kumitat mill-ewwel beda jaħdem biex il-Banda L’Isle Adam ikollha Surmast mill-aqwa. Bi qbil ta’ mija fil-mija bejn il-Bandisti u l-kumitat ġie magħżul is-Surmast Stivala. Dak iż-żmien il-Banda tagħna kellha bżonn ta’ direttur mhux biss biex jidderieġi lill-Bandisti, iżda kien hemm ġa l-ħsieb li tinxtara strumentatura ġdida għaż-żmienijiet preżenti. Fl-Arkivju ta’ din il-Banda nsibu ħafna mużika mill-pinna tas-Surmast Stivala u l-aqwa arranġamenti ta’ opri kbar huma xogħol tiegħu. Fost kitbiet tiegħu nsibu marċi sinfoniċi, brijużi u funebri u sinfoniji, l-aktar waħda famuża hija Sinfonija “Pathetique”. Ma nistawx inħallu barra l-famuża “Shoulder to Shoulder” li fiha niseġ bl-akbar sengħa l-innu nazzjonali Malti u Ingliż. B’din il-kompożizzjoni miktuba fl-aħħar tal-Gwerra s-Surmast Stivala ried juri l-ħidma tal-Maltin u l-Ingliżi kontra n-Naziżmu u l-Faxxiżmu. Insemmu wkoll l-Innu tal-Banda L’Isle Adam li kkonpona fl-1949.

Marċ funebri li għadu jindaqq fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fir-Rabat ta’ l-Imdina, iġib l-isem ta’ “Vers La Calvaire”. X’ingħidu mbagħad għal arranġamenti tiegħu. L-arranġamenti tiegħu għal Banda bħal-Overtures Kollosali “1812” u “Struensee”, ta’ Selections u Fantasiji minn opri speċjalment dawk Puċċinjani kienu arranġamenti tal-ogħla klassi li jħabtuha mal-aqwa Surmastrijiet barranin.

Fi Franza rebaħ konkors internazzjonali permezz ta’ “Suite Oriental” minn fost ħafna Surmastrijiet barranin.

Ix-Xjuħ tagħna żgur li għadu jidwi f’widnejhom sal-lum l-applawsi kbar li kienu jingħataw lil Banda meta s-Surmast Stivala kien jasla fl-aħħar battuti ta’ xi Overture jew Fantasija, nhar San Pawl ta’ Jannar, fl-Imnarja jew San Duminku fil-Belt. Dawn il-programmi kienu jiġbdu numru kbir ta’ dilettanti tal-mużika klassika minn Malta kollha biex jammiraw u japlawdu s-sinkronizzazjoni perfetta bejn direttur u banda.

Is-Surmast Stivala kien mogħni b’personalita formidabli, malli kont titfa’ għajnejk fuqu waqt li jkun jidderiġi kont tħossok qed tara s-serjeta, l-awtorita u d-dixxiplina personifikanti fih. B’ħarstu biss kien jikkontrolla s-sehem mistenni minn kull bandist.

Bl-għajnuna u l-pariri siewja tiegħu l-Kumitat wasal biex jixtri sett komplet ta’ strumenti ġodda għal Banda, d-ditta magħżula kienet “Boosey & Hawkes” għall-istrumenti tar-Ram u “La Fleur” għall-istrumenti tal-injam. Is-Surmast Stivala ma kellux ix-xorti li jidderiġi l-Banda fl-inawgurazzjoni tal-istrumentatura l-ġdida, laħaq biss intona l-istrumenti.

Sfortunament wara dawn is-snin ta’ suċċessi kbar b’qalbu mnikta kellu jħalli l-Banda tagħna minħabba saħħtu. Tant kemm kien rabat qalbu mal-Banda tagħna fuq xewqa tiegħu ried li qabel ma jagħlaq għajnejh il-Banda L’Isle Adam iħalliha f’idejn tajba. Ix-xewqa tiegħu kienet li l-Banda tgħaddi f’idejn is-Surmast Anton Muscat Azzopardi. Kien ta’ sodisfazzjoni kbir għalih li jara x-xewqa tiegħu mitmumha.

Is-Surmast Stivala kien membru (fratell) ta’ Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp.

Hu miet fid-9 ta’ Mejju 1950. Il-Funeral tiegħu sar l-għada mis-Saqqajja sal-Knisja Ta’ Ġieżu akkumpanjat mill-Banda L’Isle Adam li sellmitlu għall-aħħar darba bil-marċ funebru tiegħu “Vers La Calvaire”. Kien Funeral grandjuż li tassew kien jistħoqqlu.

Hu jinsab midfun fil-Kannierja tas-Santwarju ta’ San Ġużepp ir-Rabat.

sors: www.bandalisleadam.com