Stqarrija: Festa ta’ Marija Bambina

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi dwar il-Festa ta’ Marija Bambina 2020, bħala Kumitat Ċentrali tal-Għaqda Mużikali Marija Bambina Banda Vittorja nixtiequ niċċaraw il-pożizzjoni tagħna li dejjem ippruvajna nilħqu kompromess għal dak li pproponew is-Soċjetà Mużikali Peace. Aħna spekulajna li ‘ngħad xi kliem minn wara dahrna billi dak li ġie propost mil-Kumitat tal-Festa huwa simili ħafna għal dak li xtaqu l-Banda Peace.

Fin-Naxxar l-aħħar ftehim tal-Festa kien dak tal-2013, iffirmat miż-żewġ Każini tal-Baned u mill-Kumitat tal-Festa li kellu jkun il-qafas tal-eventwali ftehim ġdid. Dan il-ftehim skada lura fl-2019, għalhekk ġie deċiż li d-diskussjonijiet fuq eventwali tibdil fil-ftehim kellhom jibdew wara l-festa tal-2018. B’hekk f’Novembru tal-2018 il-Kumitat tal-Festa bagħat għaż-żewġ każini biex jibdew jiddiskutu dan il-ftehim.

Fl-ewwel laqgħa li saret il-Banda Peace ipproponiet li tibda torganizza il-Marċ ta’ Filgħodu. Minħabba li l-Purċissjoni hija esklussiva għalihom bħalma l-Marċ ta’ Filgħodu huwa esklussiv għalina, aħna oġġezzjonajna għal din it-talba. Kien membru tal-Kumitat tal-Festa stess li ppropona li jekk il-Banda Peace tixtieq iddoqq fil-Marċ ta’ Filgħodu, allura l-Banda Vittorja għandha ddoqq fil-purċissjoni. Il-membri tal-Kumitat tal-Banda Peace opponew bil-qawwa għal din t-talba. Wara li ma ntlaħaqx ftehim, aħna xtaqna l-opinjoni tal-Kurja, b’hekk saret laqgħa li għaliha attenda l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u Fr. Andre Zaffarese.

F’din il-laqgħa ż-żewġ Soċjetajiet u l-Kumitat tal-Festa għaddew l-informazzjoni lill-Isqof Awżiljarju. Min-naħa tiegħu l-Isqof Galea Curmi bagħat ir-risposta tiegħu li kienet tgħid hekk:

Id-Deċiżjoni tiegħu (l-Arċisqof Scicluna) hi li m’għandux ikun hemm attivitajiet ġodda (eż. Marċ ta’ Filgħodu ġdid) jekk ma jkunux riżultat ta’ ftehim bejn iż-żewġ baned.

Wara din id-deċiżjoni il-Banda Peace għamlet diversi proposti u aħna dejjem ippruvajna nsibu kompromess biex ma nostakolawx l-attivitajiet tagħna u nżommu bilanċ. Però baqa’ ma sar l-ebda qbil bejn iż-żewġ każini. Grazzi għall-proposti tagħna li nċedu li jinbidel il-pożizzjoni tal-planċier u ngħaddu qabel nhar is-7 ta Settembru sar ftehim temporanju għall-Festa 2019. Il-Kumitat tal-Festa ddeċieda li jekk ma jsirx ftehim bejn il-Każini se jmorru lura għall-ftehim tal-2013. Wara l-festa l-Kumitat tal-Festa biddel din id-deċiżjoni u ddeċieda li jekk ma jsirx ftehim jew immorru lura għall-ftehim tal-2013 jew jiddeċiedi hu x’għandu jinbidel.

Għalhekk nhar id-19 ta’ Jannar irċevejna stedina għal-laqgħa li saret nhar it-28 ta’ Jannar mill-Kumitat tal-Festa billi fassal dokument ġdid li skont huma ġie approvat mill-Kurja.

Tajjeb wieħed isemmi li aħna ma qbilniex mal-interpretazzjoni li għamel il-Kumitat tal-Festa fuq ir-risposta ta’ Fr. Zaffarese. Fl-ebda ħin il-Kurja ma qalet li tapprova dan id-dokument imma qalet dan:

Fiċ-ċirkustanzi preżenti, aħna m’aħniex f’pożizzjoni li niffurmaw opinjoni infurmata fuq din it-talba, għaldaqstant, inħallu fid-diskrezzjoni tal-Arċipriet li jmexxi b’dan il-programm sakemm ikun hemm żviluppi oħra.

Din ir-risposta qiegħda tagħti x’tifhem li l-Kurja ma setgħetx tieħu deċiżjoni għax m’għandhiex il-fatti kollha f’idejha u tat id-diskrezzjoni lis-segretarju tal-Kumitat tal-Festa biex imexxi b’dan il-programm sakemm ikun hemm żviluppi oħra. Liema żviluppi oħra nifhmu bihom li waħda mis-Soċjetajiet topponi dawn ir-regolamenti.

Kienet ta’ sorpriża għalina meta sibna li dan l-istess dokument maħruġ mill-Kumitat tal-Festa mar kontra d-deċiżjoni tal-Kurja stess. Is-servizz offrut lilna f’dan id-dokument li kieku ġie aċċettat kif kien propost kien se jimmina l-integrità tal-Banda tagħna. Fil-fehma tagħna fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Kurja li qalet li m’għandhomx jiżdiedu marċi jekk mhux bi qbil bejn iż-żewġ Każini, il-Kumitat tal-Festa seta’ faċilment imur lura għall-ftehim li kien intalaħaq fl-2013 għajr għal xi tibdiliet li ntlaħqu għall-Festa 2019.

Għaldaqstant fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, aħna esprimejna d-diżappunt tagħna billi kkuntattjajna lill-Kurja u lill-Kumitat tal-Festa. L-istess Kumitat tal-Festa ammetta li minħabba bidla fit-tmexxija tal-Kumitat ma kienx konxju ta’ din id-deċiżjoni.

Fr. Andre Zaffarese min-naħa tiegħu kkomunika d-deċiżjoni finali tal-Kurja li tgħid hekk:

Il-bord assuma, li d-dokument inkiteb fid-dawl tad-direttivi li kienu ingħataw, jiġifieri li sakemm ma jkunx hemm ftehim bejn il-partijiet konċernati, m’ għandhomx jinbidlu affarijiet sostanzjali. Fid-dawl tal-fatt li ma konniex nafu il-fatti kollha, id-deċiżjoni tagħna kienet li nħallu f’idejn il-ġudizzju tal-Arċipriet fuq x’inhu l-aħjar, sakemm jintlaħaq ftehim komplut. Kien proprju għalhekk li tlabna li dan id-dokument ikun wieħed temporanju biex id-dokument finali ikun wieħed maqbul bejn kulħadd.

Bħala Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja fil-bidu tad-diskussjonijiet xtaqna li nimxu mal-ftehim tal-2013 għax ma nemmnux li t-tibdil fil-mod ta’ kif inhuma mqassma d-dati tal-festa hi s-soluzzjoni aħħarija biex titjieb il-festa iżda nemmnu li għandha titjieb l-organizzazzjoni tal-istess attivitajiet biex il-festa tattira aktar nies. Il-festa tikber bi sforz kollettiv u billi kulħadd jiġbed ħabel wieħed u mhux inkunu selettivi fejn għandha tikber.

Il-Kumitat Ċentrali

Ixxerja Fuq Il-Midja Soċjali

Applika biex tingħaqad magħna u Tkun Membru tas-Soċjetà

Attivitajiet li jmiss

Attivitajiet u Aħbarijiet Relatati

Scroll to Top